Ambjent Lokali

Aġġornata: Il-Gvern qed jgħarraq iż-Żonqor – AD, aktar reazzjonijiet

Filwaqt li hu pożittiv li se jintuża’ l-bini tal-Baċir Numru 1 f’Bormla, hu inaċċettabbli li 18,000 metru kwadru ta’ art ODZ se jiġu mibnija. Li jingħad li x-xagħri hu abbandunat hu ingann għax ix-xagħri minnu nnifsu hu żona ta’ importanza naturali.

Kliem iċ-Chairperson tal-AD Arnold Cassola, fi stqarrija b’reazzjoni għall-aħbar li l-parti l-kbira tal-proġett tal-Università mill-iżviluppaturi Ġordaniżi se tibqa’ fiż-Żonqor. Il-Viċi Chairman tal-AD Carmel Cacopardo qal li l-iżvilupp mhux biss mhuwiex aċċettabbli fil-principju, iżda bil-bini taż-żona residenzjali tal-Università fiż-Żonqor ikollu mpatti mhux mixtieqa fuq ir-residenti ta’ Marsaskala simili għal dawk li jġarrbu r-residenti tas-Swieqi mill-istudenti tal-Ingliż.

Min-naħa tagħha, il-GRTU appellat lill-Gvern biex jikkunsidra l-komunità kummerċjali tal-inħawi fil-pjani tiegħu għall-Università fin-Nofsinhar ta’ Malta. Fi stqarrija oħra, il-GRTU qalet li proġetti bħal dawn, li fihom l-art tingħata b’kundizzjonijiet vantaġġjużi, għandu jkun hemm parametri stretti dwar kif se tkun utilizzata l-art.

Fost oħrajn, il-GRTU qalet li tistenna li fil-kuntratti li se jwaqqfu din l-Università jkun hemm projbizzjoni li l-art tintuża’ biex jinbnew ħwienet jew kumplessi ta’ ħwienet li jikkompetu man-negozji eżistenti. Għaldaqstant, kwalunkwe dħul li tiġġenera l-Università għandu jsir biex jirriġenera n-Nofsinhar ta’ Malta b’mod sħiħ, fosthom il-komunità kummerċjali.

Il-Fondazzjoni Wirt Artna wkoll laqgħet b’sodisfazzjon li l-bini tal-Baċir Numru 1 se jkun riġenerat. Min-naħa l-oħra, tappella biex l-iżvilupp propost fiż-żona taż-Żonqor ikun limitat għal dawk il-partijiet diġà mittiefsa minn żvilupp li diġà sar biex ikun imħares kemm jista’ jkun il-pajsaġġ naturali.

Il-Fondazzjoni qalet li l-medda tal-kosta li tinsab bejn ix-Xgħajra u ż-Żonqor hi waħda importanti ħafna mil-lat ambjentali u għalhekk għandha tkun imħarsa fl-istat naturali tagħha.

Sadanittant, sodisfazzjon mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), li fi stqarrija qalet li l-proġett se juża’ ferm anqas art verġni minn dak li kien propost oriġinarjament. L-MDA tinsab konvinta li dan il-proġett se jħalli impatt soċjali pożittiv. Min-naħa l-oħra, l-MDA insistiet li l-proġett għandu jkun wieħed ta’ Università biss u mhux proġett residenzjali jew kummerċjali.