Militanti tal-ISIS ħarġu filmat li fih juru l-qerda ta’ monasteru Nisrani fil-belt Sirjana ta’ al-Qaryatain, fil-provinċja ta’ Homs.
Barra minn hekk, il-militanti Iżlamiċi ressqu priġunieri Nsara li kienu qabdu f’din il-belt lejn il-belt ta’ Raqqa, il-belt Sirjana meqjusa bħala l-kapitali tagħhom.
Il-belt ta’ al-Qaryatain spiċċat f’idejn l-ISIS madwar ġimagħtejn ilu.
L-ISIS qalu li dan il-monasteru nqered għaliex kien qed jintuża għall-qima ta’ allat foloz.
Il-militanti użaw il-gafef biex qerdu l-monasteru ta’ Mar Elian imma qabel iddesagraw il-post u saħansitra ħarġu l-fdalijiet tal-qaddis li għalih hu msemmi dan il-monasteru, li jitqies bħala wieħed mill-aktar importanti fis-Sirja.
Hu stmat li mal-100 persuna minn al-Qaryatain ittieħdu lejn Raqqa. Fost dawn hemm ukoll Jacques Mourad, is-saċerdot li kien jieħu ħsieb il-monasteru. Il-monasteru ta’ Mar Elian imur lura għall-ħames seklu u hu msemmi wara Nisrani Sirjan miz-zona, li kien irrifjuta li jiċħad il-fidi tiegħu.
L-ISIS jeqred monasteru importanti fis-Sirja
