Birkirkara kkonfermaw il-potenzjal kollu tagħhom il-bieraħ fl-ewwel logħba tal-kampjonat meta b’wirja kbira ġabu fix-xejn lil Naxxar u kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun. Fil-boxing il-logħba kienet titwaqqaf mir-referee wara ftit minuti bħala “no contest”, tant kienet kbira s-superjorita’ tal-Istripes il-bieraħ.
Huma kkonfermaw it-tajjeb kollu li wrew fil-bidu tal-istaġun, speċjalment il-logħbiet fl-Europa League u bla dubju se jkunu protagonisti għar-rebħ tat-titlu. Tedesco bla dubju għandu skwadra mill-iktar komeptittiva fejn il-bieraħ din l-iskwadra kienet mingħajr plejers tal-valur ta’ Haber, Joseph Zerafa, Zach Muscat, Rowen Muscat, Ryan Scicluna, u Edmond Agius fost oħrajn.
Xi ngħidu fuq Naxxar. Diffiċli tagħti ġudizzju wara wirja daqstant fqira mil-Lions fejn l-uniċi żewġ xuttijiet lejn il-lasta waslu fl-aħħar ħames minuti tal-logħba. Għalkemm għadu ferm kmieni fl-istaġun, Naxxar iridu jtejjbu ferm il-livell tagħhom jekk ma jridux li jkollom diżappunti fl-aħħar tal-kampjonat.
Il-kowċ Tedesco beda bi tliet attakkanti, bi Frank Temile jibda mill-bidu flimkien ma’ Vito Plut, u b’Miccoli ftit metri warajhom. Fid-difiża Mazzetti u Vukanac iffurmaw bħas-soltu l-koppja ċentrali filwaqt li fuq il-ġnub kien hemm Camenzuli fuq ix-xellug minflok Zerafa li kien fuq il-bank tas-sostituti, u Cain Attard lagħab minflok Zach Muscat fuq il-lemin, b’Muscat ikun fil-VIP area.
L-Istripes mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom bil-goalkeeper Naxxari impenjat b’ħarġiet deċiżivi fuq Plut u Temile fl-ewwel minuti, u kien ukoll impenjat minn daqqa ta’ ras ta’ Sciberras. Wara 10 minuta Birkirkara fetħu l-iskor meta Plut għadda tajjeb tajjeb fuq ix-xellug u xeħet ballun fil-baxx lejn MICCOLI li kompla għal ġewwa.
Bin-Naxxarin taħt xokk, tliet minuti wara wasal it-tieni gowl meta kien hemm indeċiżjoni fid-difiża fejn approfitta PLUT li rebaħ rebound mal-goalkeeper bil-ballun jispiċċa fix-xibka. Kien evidenti li t-tim immexxi minn Stefano Grima kien f’diffikulta kbira, bl-akkwist il-ġdid Moise Gnenegbe jagħmel li jista’ fil-qalba tad-difiża, iżda l-problemi għal-Lions kienu mill-ġnub fejn Ishmael Grech u Lodetti ma setgħux ilaħħqu ma’ Temile u Plut.
Fl-attakk Darren Falzon u Cardozo rarament raw ballun fin-naħa tagħhom. Fil-25 minuta Azzopardi salva b’diffikulta lob ta’ Miccoli u mir-rebound ix-xutt ta’ Plut kien imblukkat minn difensur. Fit-38 minuta kien Paul Fenech li kellu xutt jgħaddi ftit għoli
Fit-42 minuta wasal it-tielet gowl b’azzjoni mibdija minn Cain Attard fuq il-lemin u kross lejn Miccoli li kellu x-xutt imblukkat minn difensur bil-ballun jasal għand GARETH SCIBERRAS li spara fis-saqaf tax-xibka.
It-tieni sessjoni kienet sessjoni ta’ taħriġ għal Birkirkara fejn minkejja li naqqsu r-ritmu xorta waħda baqgħu dominanti. Fil-65 minuta azzjoni oħra ta’ Plut li qassam lejn Miccoli li wara kontroll tajjeb laqat il-lasta b’xutt bomba.
Ir-raba’ gowl wasal tmien minuti wara b’azzjoni ta’ Edmund Agius li qassam lejn PAUL FENECH li minn pożizzjoni angolata ikkontrolla tajjeb u spara fix-xibka.
//= $special ?>

