Lokali

San Pawl lura f’Ħal Safi

Dawk kollha li se jattendu għall-festa ta’ San Pawl f’Ħal Safi din is-sena ser ikunu jistgħu jaraw ir-riżultat ta’ xhur twal ta’ ħidma ta’ konservazzjoni fuq l-vara titulari.

Din il-vara tnaqxet fl-injam minn Alessandro Farrugia fl-1842 u tlestiet madwar tlett snin wara. Issa, ftit snin qabel jiġi mfakkar il-175 anniversarju ta’ din l-istatwa, il-kumpanija Atelier del Restauro tal-Mosta ħadu ħsieb joħorġu mill-ġdid id-dehra oriġinali ta’ dan il-kapolavur artistiku.

Il-proċess li nbeda wara l-festa tas-sena li għaddiet kien jinvolvi ħafna studju u osservazzjoni, kemm tal-istatwa ta’ San Pawl kif ukoll tan-niċċa. Sar ukoll restawr fuq il-pedestal.

Il-parroċċa ta’ Ħal Safi diġa’ qed taħseb fuq progetti oħra li se jikkumplimentaw dan ix-xogħol.

Il-festa f’Ħal Safi tibda uffiċċjalment it-Tnejn 24 ta’ Awwissu bil-ħruġ tal-vara fuq iz-zuntier. Il-Ħadd ta’ wara imbagħad toħroġ il-purċissjoni fit-toroq tal-lokal.