Żewġ irġiel kienu arrestati wara li nqabdu minn Uffiċjali mid-Dipartiment tad-Dwana jippruvaw idaħħlu eluf ta’ biċċiet ta’ logħob tan-nar abbord Katamaran minn Sqallija.
Is-sejba saret f’vann irreġistrat Malta u misjuq minn Malti, li deher li kien qed iġorr xi merkanzija. Wara li ġihom suspett, l-Uffiċjali tad-Dwana waqqfuh u staqsew lix-xufier jekk kienx qed iġorr xi affarijiet li jinħtieġu jiġu ddikjarati.
Ix-xufier, li hu Malti, wieġeb li m’hemm xejn ħlief imħaded u twapet. Madankollu, l-Uffiċjali tad-Dwana għamlu tfittxija fil-vann, fejn taħt numru ta’ mħaded sabu disa’ kaxxi, żewġ xkejjer u żewġ bagalji mimlija bi prodotti pirotekniċi. Flimkien, dawn kellhom 4,182 biċċa ta’ logħob tan-nar.
Filwaqt li x-xufier u l-passiġġier li kien miegħu kienu arrestati mill-Pulizija, fil-post issejħu wkoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta li ħadu l-materjal pirotekniku lejn post sigur.
Il-Maġistrat tal-għassa Marsanne Farrugia fetħet Inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għadhom qed jinvestigaw.
(Ritratt: mill-Arkivji)
//= $special ?>

