Mara ta’ 54 sena u tifel ta’ 7 snin ħelsuha ħafif minn nirien f’residenza li żviluppaw ilbieraħ f’residenza fil-Mosta.
L-appartament ħa n-nar għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija, meta l-Pulizija ġew infurmati bin-nirien fi Triq ir-Rebbiegħa.
Il-Pulizija mill-Għassa tal-Mosta marru minnufih fuq il-post fejn mal-ewwel deher li kien hemm xi nirien f’residenza fit-tielet sular ta’ blokka t’appartamenti. Minn iktar stħarriġ irriżulta wkoll li fil-ħin tal-inċident ġol-appartament kien hemm mara ta’ 54 sena u tifel ta’ 7 snin li hekk kif intebħu bin-nirien, ħarġu mill-ewwel ‘il barra mir-residenza.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien. Għalkemm ħadd ma weġġa’ fdan l-inċident, kemm il-mara kif ukoll it-tifel ittieħdu l-isptar Mater Dei minħabba xokk li kellhom u duħħan li setgħu belgħu.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.





