Lokali

Ħabta head on bejn xarabank u karozza fit-telgħa lejn St. Andrews

Ħabta bejn karozza u xarabank fi Triq Mikiel Anton Vassalli propju fit-telgħa lejn St. Andrews wara li taqbeż it-traffic lights ta’ Paceville ħalliet sitt persuni mweġġa. L-inċident seħħ dalgħodu għal ħabta tal-ħamsa u nofs.

Ix-xarabank tat-tip Volvo B7RLE kienet misjuqa minn raġel ta’ tmienja u sittin sena residenti l-Msida filwaqt li l-karozza Toyota Yaris kienet misjuqa minn mara ta’ 24 sena residenti Ħal Qormi.

Iż-żewġ sewwieqa u erbgħa passiġieri barranin minn Spanja, r-Rumanija, l-Polonja u l-Islovenija li kienu fit-Toyota kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei għal kura.

Il-pulizija fi stqarrija spjegat li l-kundizzjoni medika tas-sewwieqa tat-Toyota u tal-persuna mill-Islovenija qalbet għall-aħjar mill-qagħda kritika li kienu fiha dalgħodu. Ir-raġel Rumen minn naħa tiegħu irrifjuta l-għajnuna medika filwaqt li s-sewwieq tax-xarabank għadu qed jirċievi kura medika. Mara mill-Polonja u persuna minn Spanja li kienu fit-Toyota għadhom f’kundizzjoni kritika.

L-inċident seħħ hekk kif allegatament ix-xufier tat-Toyota saqet wrong way u malli ġiet f’liwja ħabtet max-xarabank li kienet qegħda tagħmel r-rotta numru 13.

Il-pulizija kienu assisti minn team mediku u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejin.

incident st andrews 2

Ritratti: Charles Zammit

incident st andrews 3

incident st andrews 4