Lokali

Il-ħaddiema tal-GWU jiġu mwaqqfa milli jagħmlu mixja ta’ protesta sa’ Kastilja

Dak li kien ilu jingħad fil-kuriduri tal-Istamperija tal-General Workers’ Union (GWU) fil-Marsa għal dawn l-aħħar xhur, iżda b’mod persistenti għal dawn l-aħħar ġimgħat, beda javvera ruħu lbieraħ meta dawn il-ħaddiema kienu msejħa mit-tmexxija tal-kumpanija Union Print u mgħarrfa li l-impjieg tagħhom kien se jkun itterminat f’qasir żmien minħabba li kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-Istamperija tibqa’ taħdem sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

In-numru ta’ persuni effettwati minn din id-deċiżjoni jammonta għal għexieren ta’ ħaddiema u wħud minnhom ilhom impjegati mal-General Workers’ Union u l-kumpaniji tiegħu għal għexieren ta’ snin.

Bosta minn dawn il-ħaddiema huma mdaħħla sew fl-età u għalhekk mhux se jkun faċli għalihom li jsibu impjieg alternattiv.

Nifhmu li bil-laqgħa tal-bieraħ filgħodu mat-Tmexxija tal-Union, il-ħaddiema kienu mgħarrfa nhar il-Ħamis waranofsinhar u qalbhom mill-ewwel ħebrithom li din il-laqgħa kienet dwar il-futur tagħhom bħala impjegati tal-General Workers’ Union.

Il-ħaddiema ilu jitwasslilhom diskors li l-andament tal-Istamperija tal-General Workers’ Union ma kienx wieħed sodisfaċenti, anzi l-affarijiet kienu sejrin ħażin u l-kumpanija Union Print kienet qed tagħmel it-telf u li din is-sitwazzjoni ma kinetx aktar kummerċjalment vijabbli.

Nifhmu li l-ħaddiema baqgħu jinżammu f’għama totali dwar il-futur tagħhom bħala impjegati tal-General Workers’ Union sakemm ilbieraħ kienu indirizzati mit-Tmexxija tal-Union li wasslitilhom il-messaġġ qares tad-deċiżjonijiet li kienet ħadet b’ħafna diskors sabiħ u ħelu.

Impjegati tal-Union Print li matul il-ġurnata tal-bieraħ tkellmu magħna permezz tat-telefon urewna l-għadab u d-dispjaċir tagħhom għall-mod kif qed ikunu trattati. Qalulna li mhux biss inżammu f’għama totali minkejja l-ħafna diskors li kien qed jitwassal fil-kurituri b’intenzjoni, iżda issa l-affarijiet jidher li se jsiru b’ċerta għaġla u dawk li ma jaċċettawx l-iskemi proposti mill-kumpanija, allura se jkollhom jiffaċċjaw problemi serji.

Il-ħaddiema li tkellmu magħna, filwaqt li fakkru kif il-ġurnali tal-Union Print kienu trattaw sitwazzjoni simili fl-Istamperija Indipendenza fejn kienu jirredikolaw dak li kien qiegħed jiġri fost il-kollegi tagħhom ma’ stamperija kompetitriċi, qalu li issa kienu huma nfushom li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli ħafna li kienu jirredikolaw lil ħaddieħor biha.

Il-ħaddiema żiedu jgħidilna li huma kellhom f’moħħhom li jagħmlu mixja ta’ protesta sal-bini ta’ Kastilja biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Prim Ministru Joseph Muscat u biex f’dawn il-mumenti diffiċli ħafna għalihom bħala ħaddiema kif ukoll għall-familji tagħhom, issa jaqbeż għalihom u jiftakar kif matul is-snin imnalla kienu huma biex iwasslu l-vuċi tal-Patit Laburista.
Imma l-intenzjoni u x-xewqa tagħhom jidher li kienet imwaqqfa mit-Tmexxija tal-Union li ħeġġithom li f’dawn il-mumenti diffiċli ma jagħmlu l-ebda protesta u l-ebda mixja lejn Kastilja. Wara din il-laqgħa mit-Tmexxija tal-Union, li kienet immexxija mill-President tal-General Workers’ Union Victor Carachi, il-management tal-kumpanija beda jsejjaħ għall-ħaddiema wieħed wieħed biex jiftiehem magħhom jekk kinux se jaċċettaw l-iskema proposta mill-Union għat-terminazzjoni qabel il-waqt tal-impjieg tagħhom.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru li in vista ta’ din l-għaġla kollha, huma wrew ix-xewqa li jieħu l-pariri meħtieġa biex ikunu jistgħu jissalvagwardaw l-interessi tagħhom.
Sadattamt tard ilbieraħ filgħodu fi stqarrija għall-istampa intotolata ‘Ristrutturar fil-Union Print Co. Ltd.’, il-General Workers Union qalet li “minħabba kompetizzjoni qawwija fis-suq, kif ukoll minħabba tnaqqis sostanzjali fl-ordnijiet ta’ stampar kummerċjali, il-kumpanija Union Print Co Ltd. se tkun qiegħda tagħti bidu għal ristrutturar fl-operazzjonijiet tagħha. Dan bil-għan li tiffoka aktar fuq il-linja ta’ xogħol primarja tagħha, dik li twassal l-informazzjoni lill-imsieħba tal-General Workers’ Union u lill-poplu Malti.

“Minħabba f’hekk qed jitfassal pjan ta’ ħidma ġdid li jiffoka fuq dan ix-xogħol primarju. Biex dan il-pjan jintlaħaq, bħala parti mir-ristrutturar se tidħol fis-seħħ skema volontarja ta’ irtirar kmieni. Il-ħaddiema milquta se jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex isibu xogħol alternattiv. Dan filwaqt li l-istess ħaddiema se jibbenefikaw mid-drittijiet u obbligi kollha dovuti lilhom skont il-ftehim kollettiv u skont il-liġi.

“Huwa ttamat li b’dan ir-ristrutturar il-gazzetti tal-Union Print – It-Torċa u L-Orizzont – flimkien mal-portal inewsmalta.com, ikomplu fit-tradizzjoni li jkunu fost l-aqwa sors ta’ informazzjoni għall-poplu Malti,” temmet l-istqarrija tal-Union Print.