Ambjent Knisja Lokali

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent bi tħassib serju dwar il-qasma tal-MEPA

Fi stqarrija il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent saħqet li hija dejjem qieset il-qasma tal-MEPA f’żewġ awtoritajiet separati bħala pass importanti u meħtieġ. Il-Kummissjoni spjegat li huwa f’dan l-ispirtu li hija qegħda tressaq is-sottomissjonijiet tagħha. Fil-fatt hemm numru ta’ artikli fit-tliet abbozzi li dwarhom il-Kumissjoni għandha oġġezzjonijiet serji, u għalhekk temmen li għandhom jinbidlu.

Il-Kummissjoni saħqet li kienet tippretendi li, wara snin ta’ sistema ta’ ppjanar kif nafuha llum, mal-pubblikazzjoni tal-Abbozzi kellhom jiġu pubblikati wkoll u spjegati fid-dettall ir-raġunijiet għat-tibdiliet speċifiċi fil-liġijiet. Il-fatt li l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED), li m’ilux li ġie approvat mill-Parlament, huwa fih innifsu dokument li huwa batut ħafna, u jkompli jdgħajjef dawn it-tliet abbozzi ta’ liġi. Barra minn dan, it-tibdiliet li diġà saru f’policies jirrendu l-bini fuq art barra ż-żoni tal-iżvilupp aktar faċli.

Fl-istess stqarrija l-Kummissjoni spjegat li tinsab inkwetata ħafna li l-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar se jkollu Executive Chairperson li, minbarra li ser ikollu poteri mogħtija speċifikament se jkun ukoll qed iservi ta’ pupazz f’idejn il-Ministru.

Il-Kummissjoni nnotat b’dispjaċir li l-abbozz ta’ liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent u t-twaqqif ta’ awtorità relatata, huwa wieħed li ma jagħti l-ebda saħħa lill-Awtorità li suppost għandha tipprovdi protezzjoni akbar milli għandna llum, lill-ambjent naturali kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ kull sforz biex jiġu emendati l-abbozzi ta’ liġi, għall-ġid komuni u għat-tisħiħ tal-popolazzjoni tal-Gżejjer Maltin, permezz ta’ ħarsien aħjar tal-ambjent.