Ekonomija Lokali

Il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jinsteraq bi prezzijiet esaġerati għall-petrol u d-diesel

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li jinnota li minkejja li l-prezz internazzjonali taż-żejt nieżel f’livelli rekord għal viċin l-40 dollaru l-barmil, il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta għadu l-istess. Dan qed iwassal għal serq sfaċċat tal-Gvern Malti mill-familji Maltin u Għawdxi li qed ikunu mġegħlin jixtru l-fuel bi prezzijiet li żgur li ma jirriflettux il-prezz internazzjonali taż-żejt.

Agħar minn hekk, tisħaq l-istqarrija tax-Shadow Minister Marthese Portelli, il-poplu Malti u Għawdxi qed jispiċċa jħallas fost l-ogħla prezzijiet fl-Unjoni Ewropea, kemm għall-petrol kif ukoll għad-diesel. Biss biss, għad-diesel, minn 28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, 4 pajjiżi biss għandhom prezzijiet għola minn ta’ Malta, tant li hemm 23 pajjiż li għandu prezz irħas minn ta’ Malta.

Dan ir-roħs drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt, tkompli l-istqarrija, mhux qed jasal għand il-poplu Malti u Għawdxi. “Il-Gvern għandu minnufih iwaqqaf dan is-serq u jgħaddi għand il-poplu Malti u Għawdxi l-benefiċċji li għandu jgawdi minnhom bir-roħs sostanzjali fil-prezz internazzjonali taż-żejt. Il-prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel qed iħallu impatt dirett fuq il-flus fil-but għall-familji Maltin u Għawdxin kif ukoll fin-nefqa kurrenti tan-negozji f’pajjiżna” jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li wara kampanja sħiħa mill-Oppożizzjoni dwar il-prezzijiet tal-fuel, il-Gvern raħħas bi ftit il-prezz tal-petrol u d-diesel sempliċiment għaliex kienet ġejja l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Issa li ma hemmx elezzjoni, il-prezzijiet li qed ikollhom iħallsu l-familji Maltin u Għawdxin baqgħu għoljin.

Dak li qed nesperjenzaw illum mhu xejn għajr serq sfaċċat mill-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin, ttemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.