Lokali

Joseph Muscat jikkontradixxi lilu nnifsu dwar il-każ Joe Sammut

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat bdew investigazzjonijiet interni dwar l-iskandlu Joe Sammut – l-eks Teżorier tal-Partit Laburista li tressaq il-Qorti akkużat bi frodi, misappropjazzjoni u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Joseph Muscat kien qed jitkellem f’Konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaskala qrib is-sit tal-Jerma Palace.

Joseph Muscat madanakollu ma qalx f’liema dipartimenti bdew isiru l-investigazzjonijiet minkejja li jirriżulta li kienet qed tintuża xibka ta’ dipartimenti, aġenziji u entitajiet li permezz tagħhom Joe Sammut kien qed iwettaq attivitajiet irregolari biex barranin kienu qed jingħataw permessi għal residenzi f’Malta illegalment.

Fost dawn l-entitajiet hemm l-aġenzija tal-Gvern Identity Malta – li hi mmexxija mill-kandidat Laburista Joe Vella Bonnici. Identity Malta għandha rwol importanti fl-għotja ta’ permessi għal barranin.

Filwaqt li f’Marsaskala Muscat qal li bdew investigazzjonijiet interni anke f’Identity Malta, l-Ġimgħa f’Bormla, Muscat kkonferma li mhux se jieħu passi fil-konfront ta’ Joe Sammut għax hemm Identity Malta li qed tieħu l-passi hi fil-konfront ta’ permessi li nħarġu b’mod illegali.

Għaldaqstant, f’temp ta’ jumejn, Joseph Muscat irnexxielu jikkuntradixxi lilu nnifsu. Filwaqt li l-Ġimgħa f’Bormla qal li Identity Malta qed tieħu l-passi hi, l-għada f’Marsascala ikkonferma li qed isiru investigazzjonijiet li jinkludu anke lill-Identity Malta.