“M’għandi ebda kumment x’nagħmel, ma’ nista ngħidilkom xejn”. Din kienet ir-risposta li Raymond Camilleri, l-eks Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet, ta’ lil ġurnal The Times of Malta meta ġie mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet li għadejjin bħalissa u li jinvolvi d-dipartiment li kien imexxi hu.
Dipartiment li fl-aħħar xhur kien fiċ-ċentru ta’ numru ta’ kontroversji l-ewwel bl-iskandlu tal-Cafe’ Premier u wara bl-iskandlu ta’ Gaffarena u l-palazz fi Strada Zekka u l-pjan ta’ espropriazzjoni ta’ Palazzo Verdelin.
Skandli li fihom spikkat l-attitudni tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li minkejja l-bosta rabtiet li għandu ma’ Gaffarena u minkejja li dan id-dekasteru jaqa’ taħt is-segretarjat parlamentari tiegħu baqa’ jirrifjuta li jirrżenja minkejja wkoll il-bosta sejħiet għal din ir-riżenja mill-Partit Nazzjonalista u numru ta’ opinjonisti.
Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat iddefenda b’saħħa u forza lil Michael Falzon u għamilha ċara li ma’ kellu ebda intenzjoni jieħu passi fil-konfront ta’ Falzon.
Issa wara li dak li ġara fid-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jiġi investigat mill-Awditur Ġenerali u mid-Dipartiment tal-Awditjar u l-Investigazzjonijiet fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru u wara r-riżenja ta’ Camilleri minn Direttur tad-Dipartiment l-istess Camilleri qiegħed iżomm skiet assolut.
Minn naħa tiegħu l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, mistoqsi minn The Times jekk kienx ikun aktar prudenti li r-riżenja ta’ Camilleri ma’ tiġix aċċetata sakemm tintemm l-investigazzjoni saħaq biss li Camilleri kien irriżenja u li għalhekk huwa kien ser jiġi mċaqlaq għal fejn huwa meħtieġ.
//= $special ?>

