Circolo Canottieri Ortigia laħqu ftehim mal-internazzjonali Malti tal-waterpolo Stevie Camilleri ta’ Neptunes.
Stevie Camilleri li għandu 28 sena, fl-aħħar staġun lagħab ma’ CC 7 Scogli fl-A2 fejn skorja 70 gowl f’21 logħba u b’hekk għalkemm bidel il-klabb se jkun qed jibqa’ jilgħab fl-istess belt. Huwa lagħab ukoll għal sitt staġuni ma’ Rari Nantes Bogliasco fejn b’kollox skorja 350 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha.
Din l-aħbar dehret bi prominenza kbira f’diversi siti uffiċjali Taljani fosthom Siracusa News, Siracusa Times.it u fuq wpworld.com.
Is-sit Siracusa News fit-titlu tiegħu qal li Ortigia akkwistaw ‘Teżor ta’ gowls’ meta laħqu ftehim ma’ Camilleri.
“Ninsab kuntent ħafna li lħaqt ftehim ma’ Ortigia għall-istaġun li ġej. Jidher li hawn grupp magħqud ħafna u qed nistenna bil-ħerqa li ningħaqad ma’ sħabi l-ġodda u nibda din l-avventura,” kien kwotat li qal il-plejer ta’ Neptunes.
Il-kowċ ta’ Ortigia, Gino Leone qal, “Camilleri hu akkwist tajjeb ħafna li se jġib ħafna sperjenza u talent mill-aqwa. Ninsab ċert li magħna se jmur tajjeb.”