Ambjent Għawdex Lokali

Tħassib wara li l-bajja tax-Xlendi tagħmel ġimgħa magħluqa għal għawm fl-eqqel tas-sajf

Waħda mill-aktar bajjiet popolari f’Għawdex hija l-bajja pittoreska tax-Xlendi. Iżda matul din l-aħħar ġimgħa din il-bajja ferm popolari kienet ddikjarata bħala mhux tajba għall-għawm. Sitwazzjoni li qegħda tikkawża bosta lmenti minn Għawdxin u anke Maltin li fil-ġranet t’Awwissu jżuru lil gżira Għawdxija.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said fi stqarrija fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook ukoll ilmenta dwar din is-sitwazzjoni. Saħaq li din is-sitwazzjoni qatt ma ġrat qabel. Chris Said sostna li jkun xieraq li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tiċċara jekk dan it-tniġġiż fil-baħar ġarax minħabba li waħda mill-pompi tad-drenaġġ ma’ laħqitx u bdiet tfur ġol-baħar u dan wara li l-awtoritajiet ippruvaw iwaħħlu fil-rziezet tal-baqar għalkemm l-fatti jindikaw mod ieħor.

Ix-Shadow Minister Nazzjonalista saħaq, “Tajjeb min imexxi l-Korporazzjoni jgħid jekk dan ġarax minħabba li fatt – li biex jiġu ffrankati l-flus – grupp ta’ ħaddiema li soltu jkunu stand by meta jiġri hekk twaqqfu ftit tal-ġimgħat ilu u meta ġrat il-ħsara f’din il-pompa u ma bdietx tlaħħaq ma kien hemm ħadd biex jieħu azzjoni fi żmien qasir?”.

Ikun tajjeb, ikompli jgħid Chris Said, li l-korporazzjoni sserraħ ras in-nies li l-baħar biss ġie mniġġeż u ma hemm l-ebda periklu fil-wied tax-Xlendi.

Chris Said saħaq li hija tal-mistħija u gravi li d-deċiżjoni dwar il-ħaddiema li kienu jkunu stand by wasslet sabiex waħda mill-aktar bajjiet popolari f’Għawdex għamel ġimgħa sħiħa magħluqa u dan fl-eqqel tas-sajf u huwa biss llum li nħareġ l-avviż li jista’ jsir l-għawm, propju ġimgħa wara.

“Min ser jerfa’ r-responsabilita’ ta’ dak li ġara? Min ħa din id-deċiżjoni ħadha biex jidher sabiħ li qed inaqqas l-ispejjeż u jieħu performance bonus ta’ dan? Min ser jikkumpensa lil ammont kbir ta’ nies li laqtu infection u ħafna minnhom kellhom saħansitra jirrikorru l-isptar?” temm jgħid Chris Said.

chris said xlendi