Il-Prim Ministru għandu jirtira l-visas u l-permessi għar-residenza minnufih
Fid-dawl tad-diversi skandli u korruzzjoni istituzzjonalizzata li ddominaw lil dan il-Gvern, waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li jeżisti mod aħjar kif jitmexxa dan il-pajjiż. Hu sostna li l-Oppożizzjoni se tkompli taħdem biex toħroġ il-verita’, u tinsisti li l-affarijiet isiru sew. Din id-dikjarazzjoni saret fid-dawl ta’ sajf jaħraq mimli skandli serji, u li quddiemhom, il-Prim Ministru Joseph Muscat, minflok iwieġeb, jiprova jaħbi, jdur mal-lewża u jimmanipula l-affarijiet.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-agħar ħaġa fl-iskandlu ta’ Joe Sammut, mhix li l-eks Teżorier tal-Partit Laburista tressaq il-Qorti, iżda li dak li kien qed jagħmel, ma setax jagħmlu waħdu. “Biex seta’ għamel dan kollu, bilfors li kellu nies fl-istituzzjonijiet pubbliċi jgħinuh. Din hija xibka ta’ korruzzjoni, korruzzjoni istituzzjonalizzata,” qal Simon Busuttil. Hu spjega li korruzzjoni istituzzjonalizzata hija korruzzjoni bil-barka tal-awtoritajiet.
Dwar l-aspett ta’ sigurta’ li joħroġ minn dan l-iskandlu, Simon Busuttil insista li l-Prim Ministru għandu jsejjaħ minnufih laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurta’ biex jispjega kif ħarġu dawn il-visas u permessi għar-residenzi,jirtira minnufih il-visas u l-permessi għar-residenza li ngħataw lil dawn l-individwi u jagħmel inkjesta biex jiġi determinat kif ġraw l-affarijiet u min hemm involut. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-sistema hija mnawwra u li hemm aspett qawwi ta’ sigurta’.
Malta Tagħna Lkoll qed terfa’ piż kolossali għall-egoiżmu ta’ Muscat
Mistoqsi dwar il-garanzija statali ta’ €360 miljun għall-bini tal-Power Station, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li din hija piż kolossali fuq il-poplu Malti u Għawdxi. “Dan il-Gvern poġġa piż u sogru ta’ €2,500 fuq kull familji f’Malta u Għawdex,” spjega Simon Busuttil.
Hu sostna li l-Oppożizzjoni qed turi lill-Gvern li hemm mod ieħor kif isiru l-affarijiet, b’referenza għall-garanzija statali unika u bla preċedent, u dan peress li l-Gvern poġġa piż kolossali fuq il-poplu Malti u Għawdxi għal proġett li suppost qed isir mill-privat. “Joseph Muscar rabat il-futur politiku tiegħu ma’ dan il-proġett – kemm li jsir f’sentejn fejn falla, u anke li jsib investitur privat, fejn falla wkoll.” Hu sostna li meta negozju jkollu problemi finanzjarji, l-Gvern ma jidħolx biex jagħmillu tajjeb, waqt li meta familja tmur tieħu loan, il-Gvern ma jidħolx b’garanzija. Madanakollu, lill-Electrogas, il-Gvern stmahom differenti. “Malta tagħna lkoll qed terfa’ dan il-piż kolossali,” sostna Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru ta din il-garanzija bankarja f’nofs is-sajf biex mingħalih ma jinduna ħadd, biex isalva ġildu, u dan peress li hu rabat il-futur politiku tiegħu mal-bini ta’ din il-Power Station. Kieku ma ngħatatx din il-garanzija bankarja, l-Power Station ma setatx tinbena u Joseph Muscat kien ikollu jirriżenja.
Il-Prim Ministru dgħajjef quddiem il-korruzzjoni istituzzjonalizzata
Joseph Muscat qed jikkonferma d-djufija tiegħu quddiem il-korruzzjoni istituzzjonalizzata għax għadu ma laqax it-tmien sfidi li għamillu l-Kap tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-iskandlu Gaffarena-Kastilja-Zammit.
Biex jgħaffeġ, jiġri bħall-fenek, imma biex jirranġa l-iżbalji, jimxi bħall-fekruna
B’referenza għall-bini fiż-Żonqor, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat, biex jgħaffeġ, jiġri bħall-fenek, imma biex jirranġa l-iżbalji, jimxi bħall-fekruna. Hu kien qed jirreferi għall-fatt li biex jirrovina 90,000 metru kwadru taż-Żonqor, Muscat iddeċieda f’minuta, iżda biex jillappazza u jiprova jirranġa, dam erba’ xhur.
Hu sostna li l-Gvern għamel dak li għamel din il-ġimgħa, grazzi għar-reżistenza tal-għaqdiet ambjentali, is-soċjeta’ ċivili u l-Oppożizzjoni. Hu rrefera għall-protesta li saret fiż-Żonqor, kif ukoll għall-akbar protesta ambjentali saret f’pajjiżna x-xahar li għadda. “Li kien għal Joseph Muscat, irrovina 90,000 metru kwadru, mhux 18,000 metru kwadru,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li l-Oppożizzjoni xorta għandha tħassib għall-fatt li se jinqerdu 18,000 metru kwadru ta’ ODZ.
Dwar l-aspett edukattiv, Simon Busuttil staqsa kif din il-binja diġa’ qed tissejjaħ Universita’ meta għad m’għandiex il-kwalifikazzjoni tal-NCFHE. Hu staqsa jekk din ġietx miftehma minn qabel ma’ istituzzjoni li suppost hija indipendenti. Anke dwar it-trasparenza, Simon Busuttil insista li l-Prim Ministru jippubblika dak kollu li ffirma mal-investitur tal-Ġordan minnufih. “Kif jista’ Muscat jgħid li ġab l-aħjar deal meta nnegozja ma’ persuna waħda mingħajr kompetizzjoni?” staqsa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

