Minn Roderick Vella
BALZAN……………………..1
HIBERNIANS……………..1
Balzan: V.Senatore, S.Bezzina, C.Brincat, E.Zarate, L.Micallef (68min A.Vujacic), S.Arab (T.Agius 68), G.Mensha, A.Effiong, E.Serrano, D.Grima (R.Darmanin 84), J,Grioli.
Hibernians: J.Borg, R.Gomes, J.Lima, R.Soares, M.Dias (J.Santos Silva 78), A.Cohen (J.Bezzina 86), B.Kristensen, C.Failla, A.Agius, Gilmar (J.Degabriele 90), Jorginho.
Imwissija: Jorginho, A.Cohen (H) C.Brincat, J.Grioli, E.Zarate, D.Grima (B)
Skurjaw: Jorginho 57 (H), A.Vujacic 95 (B)
Referee: Adrian Azzopardi
Il-Mument Plejer tal-logħba: Jorginho (H)
Attendenza: 1015
Wara r-rebħa fis-Super Cup, Hibernians dehru li se jibdew b’rebħa anki fil-kampjonat, imma fl-aħħar xutt tal-logħba, Balzan ġabu d-draw u ħadu punt importanti kontra ċ-Champions li jawgura tajjeb għall-istaġun tal-Balzanin. Għall-Hibs ċertament diżappunt wara li kienu biss sekondi l-bogħod milli jieħdu l-ewwel rebħa, imma m’għalqux il-partita.
Il-Brażiljan Jorginho, mill-ewwel wera kemm se jerġa’ jkun fondamentali anki dan l-istaġun għall-Pawlisti, reġa’ għamel id-differenza, ma tistax tagħtih nofs ċans għax ma jaħfirx. Skorja l-gowl li kien se jkun deċiżiv u resaq viċin gowl ieħor.
Il-kowċ Nisevic beda l-kampjonat bl-istess formazzjoni li biha rebaħ is-Super Cup, waqt li l-kowċ ta’ Balzan Spiteri, fin-nuqqas ta’ Ryan Fenech u Kaljevic, beda fl-attakk mill-ewwel lill-aħħar akkwist Effiong, flimkien man-Niġerjan Mensah, b’Lydon Micallef warajhom.
Effiong kellu l-ewwel ċans wara biss minuta logħob meta pprova dribbling u xutt mill-ewwel imma xxuttja għoli.
Fir-raba’ minuta l-ewwel xutt ta’ Hibernians ta’ Dias għadda barra. Fit-12-il minuta ċans għal Cohen li dar u xxuttja, bil-ballun imxellef għal korner. Balzan ippruvaw jisfruttaw il-girjiet tal-attakkanti tagħhom, imma l-gowlkiper Borg ma kienx impenjat għajr minn korners inżidjużi. Wara nofsiegħa logħob żdiedet il-pressjoni minn Hibernians u fis-36 minuta kellhom xutt ta’ Gilmar li għadda barra u minuta wara Cohen ikkonkluda azzjoni sabiħa ta’ Hibs imma difensur ta’ Balzan imblokka f’korner.
Fit-42 minuta freekick ta’ Failla għadda għoli. Fit-53 minuta Balzan għal ftit ma ħasdux lill-Pawlisti meta wara pass ta’ Effiong, Lydon Micallef ġie quddiem Borg, gowlkiper megħlub imma l-ballun ħabatlu mal-lasta.
Ċans mitluf u ta’ dan, erba’ minuti wara, kien aktar konkret JORGINHO li wara li rċieva pass minn nofs il-grawnd ta’ Cohen, dar ma’ Arab u tefa’ wara Senatore għall-vantaġġ ta’ Hibernians.
Jorginho ma waqafx u fit-63 minuta prova x-xutt bid-dawra u għal ftit ma sabx il-lasta. Reazzjoni ta’ Balzan fis-70 minuta bi freekick ta’ Mensah li mpenja lil Borg. L-inserimenti tas-sostituti Vujanic u fl-aħħar ta’ Darmanin dehru li mhux se jħallu l-frott mixtieq imma fl-aħħar azzjoni, fil-ħin miżjud, minn freekick ta’ sostitut ieħor, Terence Agius, id-difiża ta’ Hibs ma kklerjatx u mill-kaxxa ż-żgħira l-ballun wasal għand il-Montenegrin VUJACIC li skorja fl-ewwel partita tiegħu fil-kampjonat Malti.
//= $special ?>

