AKTARX KIENU ŻEWĠ ŻGĦAŻAGĦ LI QATLU LIL VERA BODIL ENGELBRECHT HOLM F’LULJU LI GĦADDA
Xahar wara li Vera Bodil Engelbrecht Holm, l-anzjana ta’ 71 sena li kienet instabet mejta għarwiena f’għadira ilma fil-wied ta’ taħt il-Knisja tal-Kapuċċini fir-Rabat Għawdex, il-mument illum żvela kif id-delitt twettaq minn mill-inqas żewġ persuni relattivament żgħar fl-età u li għandhom il-vizzju tad-droga wara li rawha tixtri minn bar f’Marsalforn u waqt li kienet qed tħallas u fetħet il-portmoni, osservawlha ammont konsiderevoli ta’ flus.
Il-mument qalet li sorsi li tkellmu magħha fissru ż-żewġ żgħażagħ dak il-ħin iddeċiedew li jattakkaw lill-anzjana biex jisirqulha l-portmoni. Segwewha u probabbilment li daħħluha wkoll f’karozza iżda f’xi ħin jidher li xi ħaġa marret ħażin – forsi għaliex għarfet lil xi wieħed minnhom – bir-riżultat ikun li l-anzjana spiċċat fgata u mietet kaġun tal-vjolenza eċċessiva fuqha.
Is-sorsi qalu li biex jiddevjaw l-attenzjoni tal-Pulizija meta dawn isibu lill-anzjana mejta, iż-żewġ żgħażagħ qablu li jneżżgħu lill-anzjana għarwiena u jieħduha fil-wied ta’ taħt il-Knisja tal-Kapuċċini fil-limiti tar-Rabat u jwaddbuha hemmhekk wiċċha ‘l isfel.
Il-mument irrappurtat li jirriżulta li dawn iż-żgħażagħ saqu l-vettura bil-katavru tal-anzjana ġo fiha lejn il-wied, niżżluha mill-karozza u mxew biha sa ma sabu għadira ilma u tefgħuha hemm biex jagħtu kull impressjoni oħra dwar is-sejba tagħha iżda qatt li din kienet fgata biex kienet misruqa.
Il-Pulizija stabilixxew li l-anzjana l-aħħar li dehret kien f’Marsalforn meta kienet daħlet f’bar partikolari max-xatt biex probabbilment tixtri xi flixkun ilma minħabba li kien fl-eqqel tas-sajf.
Il-mument tirrapporta li l-Pulizija hi viċin ħafna li ssolvi l-każ għax għandha suspetti qawwija min huma ż-żewġ żgħażagħ moħbija wara dan id-delitt. Kollox jindika wkoll li l-Pulizija elevat ukoll numru ta’ filmati privati minn kameras tas-sigurta’ biex jiġbru aktar informazzjoni li tista’ tgħin fl-istħarriġ.
Vera Bodil Engelbrecht Holm kienet instabet mejta nhar is-26 ta’ Lulju li għadda waranofsinhar minn raġel li kien mixi bil-kelb fil-wied magħruf bħala ‘Tal-Kappuċini’ fil-limiti tar-Rabat Għawdex. Hi nstabet mejta, kompletament għarwiena u b’daqqiet f’rasha, bi tbenġil f’partijiet minn sidirha u b’kustilja miksura.
//= $special ?>

