Il-pulizija Franċiża, fl-aħħar sigħat, interrogat raġel Marokkin ta’ 25 sena li hu akkużat b’li wettaq l-attentat tal-Ġimgħa filgħaxija fuq ferrovija li kienet qed tivvjaġġa minn Amsterdam, fl-Olanda, lejn Pariġi.
Is-suspettat, li jimsu Ayoub El-Kahzzani, kien ġie mrażżan u miżmum mal-art mill-passiġġieri waqt l-attentat u qabel hu seta’ jiftaħ in-nar b’arma awtomatika fil-ferrovija. Intant, kienu sparati numru ta’ tiri u talanqas passiġġier spiċċa midrub minn balla. Aktar ‘il quddiem, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Bernard Cazeneuve, qal li ‘l-aggressur’ kien armat, fost oħrajn, b’azzarin tat-tip Kalashnikov u pistola.
Id-drama seħħet meta l-ferrovija kienet qrib il-belt Franċiża ta’ Arras u n-nies li evitaw l-attakk – fosthom żewġ suldati Amerikani u raġel Ingliż li jgħix fi Franza – għandhom jiltaqgħu għada mal-President ta’ Franza, Francois Hollande, fil-Palazz Elysee ta’ Pariġi.
El Kahzzani jista’ jinżamm għal erbat ijiem mill-awtoritajiet mingħajr ma jitressqulu l-akkużi, u qed jingħad li l-Marokkin għandu r-rabtiet ma’ xi moviment Iżlamiku radikali.
Is-suspettat inkwistjoni kien tela’ fuq il-ferrovija tal-kumpannija internazzjonali Thalys meta din kienet fl-inħawi ta’ Brussell. Il-prosekuturi Belġjani, bħalissa, qegħdin imexxu investigazzjoni speċifika dwar it-terroriżmu.
Fl-aħħar sigħat, żdiedu l-miżuri tas-sigurtà fuq il-ferroviji tat-Thalys wara li ltaqa’ l-kunsill tas-sigurtà nazzjonali tal-Belġju.
//= $special ?>