Żewġ persuni wieġbu mhux ħatja meta llum waranofsinhar tressqu l-Qorti akkużati li daħħlu b’kuntrabandu 10 miljun u nofs sigaretti, b’valur tas-sisa ta’ aktar minn żewġ miljuni u mitejn elf ewro.
Minkejja li wieġbu mhux ħatja, Roderick Borg u Sebastian Zammit inżammu arrestati. Borg hu impjegat tal-Freeport u għandu 32 sena minn Ħal Qormi. Zammit min-naħa l-oħra hu uffiċjal tad-Dwana u għandu 60 sena minn Ħal Safi.
Aktar kmieni l-awtoritajiet fi stqarrija qalu li kienu saru xi arresti b’rabta ma’ investigazzjoni dwar kontejner li kien inħareġ jew insteraq mill-Freeport.
L-awtoritajiet qalu li l-kontejner kien daħal Malta fl-24 ta’ Lulju li għadda. F’xi żmien wara nħatt kollu fuq trakk, iżda l-kontejner kien reġa’ ddaħħal f’postu bis-siġilli kollha madwar siegħa u nofs wara li nħareġ minn ġewwa l-Port Ħieles.
Intant, il-kontejner f’dan il-każ għadu qed jinżamm mill-Pulizija fl-investigazzjonijiet li qed isiru.
(Ritratt: Arkivji)
//= $special ?>

