Futbol Sport

Mosta jdawru r-riżultat u jibdew bit-tajjeb

Roderick Vella

FLORIANA……………..1
MOSTA…………………..2

Floriana: M.Calleja Cremona, A.Monticelli, E.Pepe, S.Pisani (C.Borg 89), M.Villa (60min C.Juninho), C.Borg (F.Aboulezz 70), J.Pisani, S.Ezeadi, S.Bonnici, N.Chiesa, M.Fontanella.

Mosta: O.Borg, T.Farrugia, M.Micallef, R.Ekani, I.Goubadia, D.Falzon (M.Brincat 68), M.Brincat (Bobby Abel 68), H.Yau (R.Grech 78), S.Fidelis, S.Chukwide, A.Mohammed.

Imwissija: M.Brincat, R.Grech (M), S.Pisani, M.Fonatanella (F)
Skurjaw: S. Bonnici (F) 5 min, J.Brincat 82min, S.Fidelis 87 min (M)
Referee: Sandro Spiteri
Il-Mument Plejer tal-logħba: N. Chiesa (F)

Partita li qamet u daret fl-aħħar għaxar minuti. Sat-80 minuta kien jidher li kienu Floriana li se jibdew l-istaġun b’rebħa wara gowl kmieni fil-partita.

Mosta sa dak il-ħin ftit kellhom okkażjonijiet u Floriana dehru qed jikkontrollaw, sakemm is-sostitut James Brincat, ftit wara li daħal ġab id-draw u l-Blues fl-aħħar minuti sabu wkoll il-gowl tar-rebħa.

Veru li kienet biss l-ewwel partita tal-kampjonat, imma l-ebda tim ma mpressjona, bil-ballun li ħafna drabi kien f’nofs il-grawnd u diversi żbalji miż-żewġ naħat. Kien hemm nuqqas ta’ organizzazzjoni u l-kowcis ta’ Floriana u Mosta fadlilhom x’jaħdmu. Żewġ timijiet li bidlu ħafna plejers mill-istaġun li għadda, inkluż l-istess kowċis, bid-debutt ta’ Luis Oliveira ma’ Floriana u r-ritorn tas-‘Sei’ Zammit ma’ Mosta. Iddebuttaw bil-flokk aħdar l-akkwisti l-ġodda Jurgen Pisani, flimkien mat-Taljani Monticelli, Pepe u Fontanella, l-Arġentini Chiesa u Villa u n-Niġerjan Ezeadi. Għall-Blues tim b’nukleju ta’ plejers Niġerjani.

Floriana kellhom qawwi. Fil-ħames minuta, minn korner ta’ Chiesa, STEVE BONNICI bir-ras għeleb lil gowlkiper Borg. Fl-ewwel taqsima, fit-28 minuta il-Greens kellhom ukoll freekick ta’ Pisani li Borg salva. Wara l-gowl Mosta ppruvaw bil-veloċità tal-barranin tagħhom, imma ma mpenjawx darba lil Calleja Cremona ħlief fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’xutt b’saħħtu ta’ Goubadia li l-gowlkiper Furjaniż salva f’darbtejn.

Fit-tieni taqsima il-partita kompliet fuq l-istess ritmu, imma almenu Mosta bdew ikunu iżjed perikolużi u rnexxilhom jersqu lejn il-lasta avversarja u jikkonkludu. L-ewwel fis-67 minuta meta xutt bil-ġirja ta’ Fidelis kien salvat minn Calleja Cremona b’diffikultà. L-istess Fidelis kellu ċans tad-deheb fuq pass tas-sostitut Brincat imma minn pożizzjoni favorevoli tefa’ għoli.

Dan sakemm fit-82 minuta, l-istess James BRINCAT ħa ballun imtajjar u b’xutt minn tarf il-kaxxa ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Furjaniż. Minuta wara, sostitut ieħor, Bobby Abel ħarab bil-ballun u pprova jsib l-angolu baxx tax-xibka. Fis-87 minuta Mosta saħansitra rebħu l-partita, meta minn xutt il-bfuq mill-bogħod ta’ Micallef, Calleja Cremona ħareg ferm ħażin barra l-kaxxa, il-ballun qabżu u FIDELIS li segwa l-azzjoni f’last vojta faċilment mexa bil-ballun fix-xibka għal gowl li ta l-ewwel tliet punti lil Mosta. Kien għalxejn u tard l-aħħar ċans ta’ Floriana, fil-ħin miżjud, minn Fontanella li ma sabx il-lasta.