Talanqas persuna mietet, b’numru sostanzjali ta’ nies jisfaw midruba wara li splużjoni riegħdet impjant tal-kimika fil-provinċja ta’ Shandong, fl-inħawi tal-lvant tal-pajjiż.
L-aġenzija għall-aħbarijiet Ċiniża Xinhua qalet li l-isplużjoni seħħet ġo maħżen tal-impjant tal-kimika ta’ Runxing, fil-belt ta’ Zibo, bil-konsegwenza li żbruffaw in-nirien kbar fiz-zona. It-tregħid mill-isplużjoni baqgħu jinħassu sa żewġ kilometri ‘l bogħod mis-sit, b’għexieren ta’ membri tal-iskwadri għall-emerġenza jissejjħu fuq il-post biex jikkumbattu n-nirien.
Is-sit inkwistjoni jinsab kilometru biss ‘il bogħod mill-inħawi residenzjali iżda l-aġenzija Xinhua qalet li ma kien hemm l-ebda indikazzjonijiet ta’ xi ‘kontaminazzjoni’ bħala riżultat dirett tal-isplużjoni.
Madankollu, mifhum li l-inċident ħalla l-mijiet tal-midruba, b’għexieren ta’ nies ikunu rappurtati nieqsa.
Skont il-Beijing Times, l-impjant ta’ Runxing kien fih elementi tal-likwidu adiponitrile li, ladarba jinħaraq, hu dispost li jitlaq il-gassijiet velenużi fl-ajru.
Il-fatt li l-impjanti kimiċi u industrijali huma qrib ħafna taz-zoni residenzjali sar fattur kontroversjali għall-aħħar fiċ-Ċina.
Dan meta l-awtoritajiet Ċiniżi impenjaw ruħhom biex iżidu s-sistemi tas-sigurtà fuq livell industrijali wara l-isplużjonijiet qattiela ta’ jiem ilu ġo maħżen fil-belt tal-port ta’ Tianjin, li kienu ħallew numru kbir ieħor ta’ vittmi.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, l-awtoritajiet kienu spezzjonaw l-inħawi ta’ Beijing fejn hemm il-ħażniet tal-kimiċi perikolużi u fejn instabu ‘issues tas-sigurtà’ ġo 85 minn 124 sit. F’dan il-każ, kienu ngħataw direttivi urġenti biex jingħalqu żewġ fabbriki partikolari.
//= $special ?>