Internazzjonali

Tiftaħ mill-ġdid l-ambaxxata tar-Renju Unit fl-Iran

Ir-Renju Unit reġa’ fetaħ l-ambaxxata tiegħu fl-Iran, b’dan iseħħ kważi erba’ enin wara l-għeluq tal-istess ambaxxata fl-2011. L-għeluq tal-ambaxxata Britannika f’Tehran kien ir-riżultat tal-assedju ta’ erba’ snin ilu fuq dan il-kumpless li wettqu d-dimostranti li kienu qed jipprotestaw kontra s-sanzjonijiet li ġew imposti fuq l-Iran dak iż-żmien.

Sadanittant, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Philip Hammond, attenda ċerimonja f’Tehran biex jimmarka l-ftuh tal-ambaxxata u fejn kien hemm preżenti wkoll numru ta’ diplomati Iranjani. L-aħħar rapporti qalu li l-Iran ukoll għandu jerġa’ jiftaħ l-ambaxxata tiegħu f’Londra mill-aktar fis possibbli.

Philip Hammond hu l-ewwel Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin li żar l-Iran mill-2003 ‘il hawn b’din iż-żjara ssir ġimgħat wara li l-Iran laħaq ftehim mas-sitt potenzi tad-dinja, bl-iskop li r-reġim Iżlamiku f’Tehran irażżan il-programm nukleari tiegħu.

Meta tkellem waqt iċ-ċerimonja f’Tehran, Hammond qal li l-attakk tal-2011 fuq l-ambaxxata Britannika kien jirrifletti żmien ħażin u diffiċli iżda hu sostna li llum l-affarijiet qalbu għall-aħjar mindu Hassan Rouhani kien elett President tal-Iran. Hammond anki fisser il-ftuh mill-ġdid tal-ambaxxata bħala pass loġiku fl-impenji għat-tkattir tal-fiduċja bejn ir-Renju Unit u l-Iran.