Internazzjonali

Tifun iħalli straġi fil-Filippini

Tifun bl-isem ‘Goni’ qed javvanza mit-Tramuntana tal-Filippini fejn ikkaġuna sensiela ta’ għargħar u valangi tat-tajn, fost l-inżul tax-xita kontinwa.

L-elementi rriżultaw f’numru ta’ mwiet meta diversi djar spiċċaw taħt il-munzelli tal-blat u t-tajn, bl-awtoritajiet lokali jikkonfermaw li ammont ta’ Filippini kienu ddikjarati nieqsa fl-inħawi milqutin bl-għargħar.

Sadanittant, eluf ta’ nies kienu evakwati lejn artijiet ogħla fejn il-periklu hu anqas, bl-awtoritajiet Filippini jiddeċiedu li jħassru xi titjiriet domestiċi.

It-Tifun ‘Goni’ anki qajjem l-irwiefen b’veloċità ta’ 195 kilometru fis-siegħa, iżda l-aħħar rapporti indikaw li l-elementi ma baqgħux daqshekk kiefra, bil-maltemp javviċina z-zoni lil hinn mill-kosta tal-Lvant tat-Tajwan.