Internazzjonali

Tmiem il-ġimgħa tat-traġedji waqt l-air shows

Talanqas raġel tilef ħajtu wara li żewġ ajruplani żgħar ħabtu ma’ xulxin fl-ajru waqt airshow fit-Tramuntana tal-Iżvizzera.

L-inċident seħħ fl-inħawi ta’ Dittingen, qrib ta’ Basel, bl-istampa Żvizzera tgħid li wieħed mill-piloti rnexxielu jaqbeż bil-paraxut. Ir-raġel mejjet kien identifikat bħala ‘wieħed mill-piloti’ li kien jifforma parti minn grupp ta’ tliet ajruplani mill-Ġermanja li ħadu sehem f’din l-airshow. It-tielet ajruplan ‘tal-grupp’, intant, irnexxielu jinżel mingħajr inċident.

It-traġedja segwiet l-inċident talbieraħ fir-Renju Unit fejn ajruplan militari li kien qed jipparteċipa fl-air show ta’ Shoreham iġġarraf għal fuq il-karozzi fi triq traffikuża ta’ West Sussex. L-aħħar rapporti mir-Renju Unit qalu li l-mejtin fl-inċident issa telgħu għal ħdax, b’numru ta’ nies jindarbu. Intant, wieħed għad irid jistenna għall-identifikazzjoni formali ta’ dawn il-vittmi.