Diversi passiġġieri jinsabu f’konfużjoni sħiħa fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta wara li ftit tal-ħin ilu qalulhom li se jkun hemm dewmien fit-titjira tagħhom.
Jirriżulta li wieħed mill-ajruplani għandu xi ħsarat, u għalhekk l-AirMalta kellha tistenna sakemm ikollha ajruplan ieħor disponibbli. Dan minħabba l-fatt li m’hemmx biżejjed ajruplani.
It-titjira konċernata hi KM520, destinata lejn Budapest, hi waħda minn total ta’ ħamsa li ntlaqtu.
It-titjira tal-AirMalta li kellha titlaq fil-11am, issa se tħalli Malta fil-11:15pm. Fost il-passiġġieri hemm ukoll għad ta’ turisti li kien pjanaw li jtiru bl-AirMalta biex imorru lura Budapest.
MaltaRightNow.com huwa infurmat li mara li ibbukjat fuq din it-titjira kienet sejra lura l-Ungerija sabiex tilħaq il-gradwazzjoni tat-tifla.
Persuna oħra li għandu qraba tiegħu f’Budapest qalilna li fl-ajruport tal-Ungerija mhux jidher kemm se jkun id-dewmien tat-titjira. U għalhekk il-passiġġieri ma jistgħux jippjanaw x’se jagħmlu għax ma jafux x’se jiġri eżatt.
Mhux magħruf jekk l-AirMalta hux se tagħti xi forma ta’ kumpens lil dawn il-passiġġieri. Għalkemm rapporti qed jgħidu li l-passiġġieri ġew offruti snack jew xi ikel ieħor mill-kumpanija.
//= $special ?>

