Lokali

Filmat: 30 borża ta’ studju biss għal Maltin fl-Università tal-Ġordaniżi

Il-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid li minn 4,000 student, se jingħataw biss 30 borża ta’ studju għal Maltin

Minn aktar minn 4,000 student li hemm pjanat li joħonqu dik li qed tissejjaħ Università Amerikana ta’ Malta, se jkunu biss 30 student f’pajjiżna li se jkollhom ix-xorti li jibbenefikaw minn dak li l-Prim Ministru sejjaħlu ‘l-akbar investiment dirett privat li qatt sar f’pajjiżna’.

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo f’kummenti li ta lil MaltaRightNow.com.

Mistoqsi minn dan is-sit, Evarist Bartolo qal li se jkun hemm madwar 30 borża ta’ studju li se jingħataw kull sena għal Maltin. Ma’ din id-dikjarazzjoni, Evarist Bartolo żied li meta wieħed joqrob aktar lejn il-jum, ikunu jistgħu jingħataw aktar dettalji meħtieġa.

Ma’ dan, il-Ministru Evarist Bartolo żied jgħid li minn dawn it-30 borża ta’ studju, se jkun hemm ftit li se jingħataw lil studenti li għal xi raġuni ma jkunux qed imorru Università.

MaltaRightNow.com staqsa minn dawn it-30 borża ta’ studju kemm se jkunu allokati fid-dawl ta’ dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat meta l-Ħamis li għadda ħabbar il-proġett tal-Ġordaniżi f’Bormla, fejn kien qal li hemm rata ta’ 0.1% ta’ studenti mill-Kottonera li jiggradwaw. Muscat kien semma dan meta ta lista ta’ raġunijiet għalfejn intgħażel is-sit tal-Baċir Numru 1 f’Bormla biex il-Ġordaniżi jkunu jistgħu jagħmlu l-iżvilupp tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan, dan is-sit staqsa kemm se jkun hemm boroż ta’ studju allokati għal studenti mill-Kottonera, madanakollu Evarist Bartolo ħarab milli jagħti numru preċiż ta’ kemm il-borża l-Gvern lest li jikkommetti ruħu li jagħti lil studenti mill-Kottonera.