Lokali

Filmat: Leo Brincat m’għandux idea dwar kemm se tħaddem nies l-Università tal-Ġordaniż

Filwaqt li jiftaħar li qed jinżamm fid-dlam: “la naf, la jien involut u l-anqas nippretendi li nkun”

Il-Ministru Leo Brincat, li bħala fuq spallejh għandu r-responsabbilta’ politika tal-iżvilupp innifsu tal-Universita’ tal-Ġordaniżi, m’għandux idea kemm se tħaddem nies din ‘l hekk imsejjħa ‘Università’.

Il-fatt li Leo Brincat qed jitħalla fid-dlam mill-Prim Ministru Joseph Muscat u sħabu l-Ministri Laburisti l-oħra ħareġ ċar waqt li dan MaltaRightNow.com kien qed jagħmel numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Brincat dwar is-suġġett.

Mistoqsi minn MaltaRightNow.com jekk fil-Heads of Agreement li ġie ffirmat fil-kuntratt ma’ Sadeen tal-Ġordna hemmx xi ħaġa li tistipula kemm se jiġu impjegati Maltin f’dan l-iżvilupp mill-Ġordaniżi, Leo Brincat sempliċiment wieġeb: “la naf, la jien involut u l-anqas nippretendi li nkun.”

B’dan il-mod il-Ministru Leo Brincat ftaħar li qed jitħalla fid-dlam u ġġustifika dan billi qal li hu ma kienx promotur tal-proġett tal-hekk imsejjħa ‘Università’.

Madanakollu, minkejja d-dikjarazzjoni li għamel Leo Brincat ma’ MaltaRightNow.com, jiġifieri li hu mhuwiex promotur tal-iżvilupp mill-Ġordaniżi, l-istess Ministru Laburista deher jippoża maġenb il-Prim Ministru Joseph Muscat f’żewġ Konferenzi tal-Aħbarijiet li Muscat indirizza fil-jumejn wara li ħabbar il-proġett tal-Ġordaniżi f’Bormla.

Ma’ MaltaRightNow.com Leo Brincat baqa’ jinsisti li fl-ebda stadju ma kien involut fl-iffirmar tal-Heads of Agreement ma’ Sadeen u allura ma kellux dritt jew pretenda li jkun involut fl-istess iffirmar.

Magħfus mill-mistoqsijiet ta’ dan is-sit dwar kif jista’ jkun li Ministru tal-Gvern ma jafx kemm se jħaddem Maltin proġett ta’ dan l-iskala, Leo Brincat wieġeb li la jkun jaf il-figuri, se jagħddiehom. Temm jitlob lill-ġurnalist ta’ dan is-sit biex jifhem il-punt li hu ma kienx involut fil-proċess filwaqt li tenna li l-anqas jippretendi li jkun involut fil-proċess.