Internazzjonali

Għajbin inkwetanti ta’ sottomarini Koreani

Il-Korea t’Isfel qalet li l-Korea ta’ Fuq Komunista mmobilizzat għexieren ta’ sottomarini filwaqt li rduppjat it-taqsimiet tal-artillerija tagħha mal-fruntiera komuni. Intant, il-Gvern ta’ Seoul akkuża lir-reġim fi Pyongyang li qed itellef it-taħditiet attwali fuq livell għoli, li huma intiżi biex jevitaw konfront militari fil-peniżola.
Kelliema għall-Ministeru tad-Difiża f’Seoul qalu li mas-70 fil-mija tal-flotta totali tas-sottomarini tal-Korea ta’ Fuq kienu telqu mill-bażijiet tagħhom u għebu minn fuq ir-radar militari tal-Korea t’Isfel.
Il-kelliema f’Seoul sostnew li l-moviment ta’ numru hekk kbir ta’ sottomarini m’għandux preċedent.
L-istess kelliema qalu li n-numru tas-sottomarini ‘Komunisti’ hu għaxar darbiet akbar mil-livell normali u li l-awtoritajiet fil-Korea t’Isfel qed jieħdu s-sitwazzjoni bl-akbar serjetà. Fil-fatt, l-aġenzija tal-aħbarijiet Yonhap, li kkwotat uffiċjali militari, qalet li l-mobilizzazzjoni tas-sottomarini kienet l-akbar waħda minn tmiem il-Gwerra Koreana tal-1950-53.
Dan meta l-Korea ta’ Fuq żiedet bid-doppju l-biċċiet tal-artillerija tul il-fruntiera mal-Korea t’Isfel li hi fost l-aktar zoni fortifikati fid-dinja.
L-iżviluppi seħħew waqt li uffiċjali għolja tal-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel komplew bit-taħditiet intiżi biex inaqqsu mit-tensjoni fil-peniżola. Aktar qabel, sessjoni ta’ negozjati maratona bejn ir-rappreżentanti ta’ Seoul u Pyongyang kienet intemmet mingħajr ftehim finali.