Ambjent Kummerċ Lokali

Il-bejjiegħa tal-ħaxix ma jistgħux jidħlu l-pitkalija qabel ma jbattlu l-vann!

Numru ta’ bejjiegħa tal-ħaxix li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com ilmentaw dwar deċiżjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet li tirrikjedi li bejjiegħa tal-ħaxix ma jistgħux imorru jixtru mill-Pitkalija jekk ma jkollhomx il-vann jew trakk tagħhom vojt qoxqox minn kwalunkwe’ frott u ħaxix.

Skont bdiewa li tkellmu ma’ dan is-sit, id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ mil-lum. Ġurnalisti ta’ MaltaRightNow.com kienu preżenti kmieni filgħodu barra l-Pitkalija, fejn filfatt ġiet osservata sitwazzjoni aktar panikuża mis-soltu u bi preżenza akbar ta’ Pulizija mis-soltu.

Dan wara li din id-deċiżjoni qanqlet rabja kbira fost il-bejjiegħa tal-ħaxix li qed jinsistu li b’deċiżjoni bħal din qed ikollhom ibatu konsegwenzi u danni kbar.

Meta dan is-sit għamel kuntatt mas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, kelliem għas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes ma ċaħadx din l-aħbar iżda talabna nibgħatu mistoqsijiet bil-miktub sabiex tkun tista’ tingħata spjegazzjoni.

Fil-mistoqsijiet li bagħat dan is-sit u li għalihom għadna qed nistennew risposta, staqsejna għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni u jekk is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes jafx li deċiżjoni bħal din qed tħalli riperkussjonijiet kbar fost il-bejjiegħa tal-ħaxix.

Deċiżjoni li qed tħalli riperkussjonijiet kbar għall-bejjiegħa tal-ħaxix

Kull filgħodu tispikka attivita’ liema bħala f’Ta’ Qali, fejn bdiewa jieħdu l-frott u l-ħaxix li jkunu kabbru għand il-Pitkala. Il-bejjiegħa tal-ħaxix li jduru fit-toroq imbgħad jixtru l-frott u l-ħaxix mingħand il-Pitkala.

Bejjiegħa tal-ħaxix, jew xerrejja, fissru ma’ dan is-sit li l-ġurnata tax-xogħol tagħhom tibda sa’ minn kmieni filgħodu. Sal-ħamsa u nofs ta’ filgħodu diġa’ tkun qed tispikka l-attivita’ kummerċjali fil-Pitkalija.

Ix-xerrejja spejgaw li huma jaħsbulu kmieni biex imorru Ta’ Qali sabiex jixtru aktar frott u ħaxix bil-għan li mal-ġurnata jkunu jistgħu jmorru jduru fit-toroq Maltin bil-prodotti agrikoli li jkunu xtraw mill-Pitkalija.

Iżda d-deċiżjoni li x-xerrejja ma jistgħux jidħlu bil-vannijiet tagħhom sakemm il-vettura ma tkunx battala kompletament mill-ħxejjex, qed tikkawża inkonvenjent kbir.

Bdiewa li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru li ma jkunx prattiku li bejjiegħ tal-ħaxix joqgħod ibattal il-vann tiegħu mill-ħxejjex li jkun fadal mill-jum ta’ qabel, sempliċiment biex imur jixtri xi ftit ħxejjex fl-għodwa li jkun imiss.

L-inkonvenjent hu akbar għal bejjiegħa tal-ħaxix li joqgħodu ‘l bogħod mill-inħawi ta’ Ta’ Qali, u li allura jkollhom joqgħodu jivvjaġġaw darbtejn – l-ewwel biex imorru jixtru l-ħxejjex, imbgħad vjaġġ ieħor biex jerġgħu jgħabbu l-ħxejjex tal-jum ta’ qabel u fl-aħħar nett vjaġġ lura biex ikomplu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom bil-bejgħ tal-ħxejjex fit-toroq.

Il-bdiewa li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com fissru kif din id-deċiżjoni hija l-aħħar minn kullana ta’ episodji li kull ma jmur qed ikomplu jitfgħu il-Pitkalija lura, bis-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar. Fost dawn hemm in-nuqqas qawwi ta’ kaxxi ħodor li huma neċessarji fix-xogħol kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-bejjiegħa tal-ħaxix.