Lokali

Il-Kumitat tas-Sigurtà għandu jitlaqqa’ b’mod urġenti – Simon Busuttil

Il-Kumitat tas-Sigurtà għandu jitlaqqa’ b’mod urġenti. Il-ħruġ abbużiv ta’ visas u permessi ta’ residenza jaffettwa s-sigurtà nazzjonali ta’ pajjiżna; u s-sigurtà nazzjonali ta’ pajjiżna ma tistax tistenna għal tliet ġimgħat sħaħ.

Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li llum il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irċieva stedina biex jattendi laqgħa tal-Kumitat dwar is-Sigurtà wara li l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut tressaq il-Qorti f’każ li kixef skandlu kbir marbut mal-ħruġ ta’ visas u permessi ta’ residenza mill-awtoritajiet nazzjonali.

Il-laqgħa ssejħet wara li l-bieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, waqt intervent telefoniku fuq Radio 101, saħaq li l-Prim Ministru għandu jsejjaħ minnufuh laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà biex tingħata spjegazzjoni dwar il-ħruġ illegali ta’ dawn il-visas u l-permessi ta’ residenza. Waqt l-istess intervent, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq ukoll li l-Prim Ministru għandu jirtira minnufih il-visas u l-permessi ta’ residenza li ingħataw illegalment.

Intant, issa li l-laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà ġiet imsejħa għall-10 ta’ Settembru, il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li dan huwa perjodu wisq twil minħabba li dan l-iskandlu qed jolqot mill-qrib is-sigurtà nazzjonali u għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li l-kumitat għandu jitlaqqa’ b’mod urġenti.