Formula 1 Sport

Il-Pirelli jakkużaw lit-timijiet li njorawhom

It-tyre ta’ wara ta’ Sebastien Vettel ma kienx jispolodi waqt il-Grand Prix tal-Belġju li kieku t-twissija tal-manifatturi tat-tyres Pirelli, sentejn ilu ttieħdet bis-serjetà. Dan qalitu l-kumpannija Taljana wara t-tiġrija.

Pirelli qalu li fl-2013, wara serje ta’ argumenti fil-GP tar-Renju Unit, kienu talbu biex isir tibdil fir-regolamenti biex ikun hemm massimu fuq in-numru ta’ dawriet li karozza tista’ tagħmel bl-istess tyres.

“F’Novembru tal-2013 Pirelli talbu li għandu jkun hemm regolament dwar massimu ta’ dawriet fuq l-istess set ta’ tyres bil-għan li jsir użu korret minnhom. Din it-talba ma kinitx aċċettata. Il-proposta kienet tirrikjedi distanza massima ekwivalenti għal 50% tad-distanza ta’ grand prix għal tyres primi u 30% għal dawk ta’ għażla oħra. Kieku dawn il-kundizzjonijiet ġew applikati, fi Spa kien ikun hemm limitu ta’ 22 dawra fuq tyres medium,” qalet l-istqarrija.

Sebastien Vettel tal-Ferrari li kien fit-tielet post, kien għamel 27 dawra fuq tyres medium u kellu tattika ta’ pit stop waħda meta t-tyre ta’ wara tal-lemin sploda fid-dawra ta’ qabel l-aħħar.
“Affarijiet bħal dawn mhux suppost jiġru. Li kieku t-tyre sploda 200m aktar qabel kieku m’inix qiegħed hawn,” qal Vettel erba’ darbiet champion tad-dinja wara t-tiġrija hekk kif bosta sewwieqa oħra qajmu dubji dwar is-sigurtà tat-tyres.