Il-Ġamajkana Shelly-Ann Fraser-Pryce rebħet it-tielet titlu mondjali tagħha fil-100m meta temmet l-ewwel f’10.76 sekondi fil-Bird’s Nest Stadium waqt it-tielet jum mill-kampjonati tad-Dinja tal-atletika f’Beijing.
B’xagħar twil kollu malji ta’ lewn aħdar, l-atleta ta’ 28 sena ma kellhiex ħruġ tajjeb imma malajr sabet il-pass biex marret quddiem u żiedet suċċess ieħor ma’ dawk ta’ Berlin fl-2009 u sentejn ilu f’Moska.
Fuq il-linja tat-tmiem kienet għoddha ntlaħqet mill-Olandiża Dafne Schippers li rebħet l-ewwel fidda f’dawn il-kampjonati f’rekord Olandiż ta’ 10.81 sek, bil-bronż tmur għand l-Amerikana Tori Bowie.
Dominju Kenjan
Kif mistenni l-Kenjani ddominaw li Steeplechase tal-irġiel b’Ezekiel Kemboi jikkonferma li hu l-atleta tal-mument f’din d-dixxiplina meta rebaħ ir-raba’ titlu tad-dinja tiegħu u s-seba’ midalja tad-deheb konsekuttiva fil-kampjonati.
Wara li Conselus Kipruto, fidda fl-2013, mexxa lill-kumplament, it-tiġrija ħadet żvolta differenti żewġ dawriet mit-tmiem meta l-grupp kien għadu kompatt.
Kipruto ntlaħaq mill-Amerikan Evan Jager u b’500m mit-tmiem deher li seta jagħti l-ewwel midalja lill-Amerika f’din id-dixxiplina. Imma f’nofs id-dritta finali l-erba’ Kenjani bdew jinqatgħu għalihom u 30 metru mit-tmiem kien Kemboi li ta’ 33 sena u l-ixjeħ atleta fit-track, żied il-pass u rebaħ fi 8 minuti 11.28 sek qabel ipponta lejn rasu biex juri li għadu r-re tad-dixxiplina.
Il-Kenjana Vivian Cheruiyot rebħet l-10,000m tan-nisa b’mod mill-aktar drammatiku wara sprint fl-aħħar dawra. B’hekk irrimarkat ir-ritorn tagħha dan l-istaġun bit-tieni titlu mondjali fl-itwal avveniment fuq it-track.
L-atleta ta’ 31 sena li fl-2014 baqgħet barra, sakemm welldet tifel, marret quddiem 300m mit-tmiem u rebħet f’31 minuta 41.31 sek biex rebħet lura t-titlu li kienet rebħet fl-2011.
L-Etijopjana Gelete Burka żammet ma’ Cheruiyot meta l-Kenjana ħarbet quddiem imma ma setgħetx iżżomm il-pass u kellha tikkuntenta bil-fidda waqt li l-bronż marret għand l-Amerikana Emily Infield.
Wirja stupenda
Il-Kanadiż Shawn Barber ta wirja stupenda bl-ewwel erba’ qabżiet biex rebaħ il-pole vault meta qabeż 5.90 metri għall-ewwel titlu globali tiegħu.
Barber u Raphael Holzdeppe fallew tliet darbiet milli jaqbżu s-sitt metri imma ċ-Champion renjanti Ġermaniż kien qabeż 5.90 metri fit-tielet qabża waqt li l-Kanadiz qabeż l-istess għoli fl-ewwel prova u rebaħ id-deheb.
Iċ-Champion Olimpiku u holder tar-rekord tad-dinja, l-Franċiż Renaud Lavillenie ħa r-raba’ bronż f’erba’ kampjonati tad-dinja.
Il-Kolombjana Caterine Ibarguen li għadha mhix megħluba sa mill-Olimpjadi tal-2012, żammet it-titlu mondjali fil-qabża trippla.
L-infermiera li tispeċjalizza fiż-żfin salsa u li kellha tikkuntenta bil-fidda tliet snin ilu f’Londra, marret fuq quddiem fit-tieni round u l-qabża tagħha fil-ħames round ta’ 14.90 metri aċċertatha mid-deheb.
Il-fidda ntrebħet minn Hanna Knyazyeva-Minenko li waqqfet rekord għal Iżrael ta’ 14.78m waqt li ċ-Champion Olimpika Olga Rypakova tal-Kazakhstan ħadet il-bronż.
//= $special ?>