Il-Gvern hu ffaċċjat b’aktar kritika fil-gazzetti u fl-opinjojni pubblika dwar in-nuqqas ta’ trasparenza, responsabbiltà u governanza korretta fil-mod kif qed imexxi l-pajjiż. Kien l-Editorjal ta’ The Times, li kkritika d-dikjarazzjoni riċenti tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici dwar l-istrutturi li, skont il-Ministru, il-Gvern qed jagħmel għal tmexxija aħjar tal-pajjiż.
F’kumment dirett, l-Editorjal ta’ The Times jgħid li jew il-Ministru Bonnici qed ibati minn amnesija politika, inkella hu naive. Dan għax, skont The Times, qatt ma kien hawn amministrazzjoni li xekklet bil-qawwi t-tmexxija tajba tal-pajjiż fl-ewwel nofs tal-leġislatura tiegħu.
Dwar l-intenzjonijiet tajba li l-Ministru Bonnici qed jgħid li għandu, l-Editorjal ta’ The Times isostni li l-aktar li jgħodd mhumiex l-intenzjonijiet tajba, iżda kemm fil-fatt dawn jitwettqu fil-konkret. Jikkritika wkoll bil-qawwi d-dikjarazzjoni tal-Ministru Bonnici, li jsostni li dan il-Gvern hu katalist għall-bidla biex tiŻdied it-trasparenza u r-responsabbiltà politika.
The Times isostni li l-fatti huma li n-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ kontabbiltà saru l-akbar marka ta’ dan il-Gvern u dan joħroġ ċar f’numru ta’ każi, fosthom fil-proċess tal-bini tal-Power Station tal-gass u anke wara l-kritika mill-Ufficcju tal-Awditur Generali fil-każijiet tal-Cafe’ Premier u tal-ftehim tal-hedging ma’ kumpanija Azera, fost l-oħrajn.
L-editorjal jgħid ukoll li ċ-ċirasa fuq il-kejk kienet il-każ ta’ Gaffarena, li qed ikun investigat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali wara li l-Gvern ħallas €1.6 miljun fi propjetà u flus kontanti lil Marco Gaffarena ftit ġimgħat biss wara li dan xtara propjetà bi prezz ferm anqas. L-istess kien se jiġri b’Palazzo Verdelin fil-Belt, li wkoll kien se jinxtara minn Gaffarena biex issir l-istess manuvra kif saret meta nxtara l-Palazz fi Triq Zekka.
Quddiem dawn il-każi u d-dikjarazzjoni tal-Ministru Bonnici, l-Editorjal ta’ The Times isostni li anke jekk il-Gvern qed jgħid li qed joħloq strutturi għal governanza aħjar, il-fatti juru li s-sitwazzjoni marret għall-agħar u mhux għall-aħjar.
//= $special ?>

