Internazzjonali

Jużaw l-annimali fil-gaġġeġ biex jevalwaw il-fdalijiet tal-kimika f’Tianjin

L-awtoritajiet fiċ-Ċina qed iżommu ammont ta’ annimali fil-gaġġeġ fl-istess sit ta’ Tianjin fejn, fil-21 ta’ Awwissu, seħħet l-isplużjoni kbira tal-kimika li qatlet talanqas 121 persuna. L-annimali tqiegħdu f’dawn l-inħawi bħala parti minn proċess ‘għal testijiet’ li jindikaw il-fdalijiet tal-kimika potenzjali.

Ir-ritratti li ħarġu miċ-Ċina qed juru dawn il-gaġġeġ żgħar ikkuluriti mimlijin bil-fniek bojod, il-bċieċen u t-tiġieġ f’dik iz-zona tal-isplużjoni qattiela.

Il-maħżen fil-port ta’ Tianjin fejn seħħet l-isplużjoni ingħad li kien fih mal-40 tip differenti ta’ kimika perikoluża, fosthom mas-700 tunnellata ta’ sodium cyanide.

L-annimali fil-gaġġeġ ma wrew l-ebda sinjali ta’ mard wara jumejn fil-core section tas-sit tal-isplżjoni. Iżda l-użu tagħhom għal dan ‘l-esperiment’ xorta waħda irrabja bil-kbir lill-attivisti favur id-drittijiet tal-annimali li fissru dan l-aġir bħala ‘krudili u primittiv’.

L-awtoritajiet fi Tianjin jibżgħu li l-ajru u ilma fl-inħawi tal-madwar spiċċaw imniġġża b’elementi tal-kimika u ħafna eksresidenti m’humiex ħerqana li jirritornaw fl-inħawi.