Uffiċjali fis-Sirja qalu li l-militanti tal-ISIS, fi tmiem il-ġimgħa, qerdu t-tempju ta’ Baalshamin fil-belt antika ta’ Palmyra.
Il-kap tal-antikitajiet fis-Sirja kien ikkwotat jgħid li l-ISIS kienu tajru t-tempju nhar il-Ħadd li għadda waqt li l-Observatory for Human Rights (SOHR) tas-Sirja, li hu bbażat fir-Renju Unit, irrapporta li dan il-każ kien seħħ daqs xahar ilu.
Il-militanti tal-ISIS kienu ħatfu l-kontroll ta’ Palmyra f’Mejju, fost l-inkwiet tal-komunità internazzjonali dwar id-destin ta’ din il-belt antika li l-UNESCO ddikjarat bħala sit għall-patrimonju dinji. Il-belt ta’ Palmyra hi kkunsidrata fost l-aktar ċentri kulturali importanti tad-dinja antika u hi famuża għall-fdalijiet Griegi-Rumani li għadhom ippreservati tajjeb.
It-tempju ta’ Baalshamin, li nbena mal-2,000 sena ilu, hu wieħed mill-aktar binjiet magħrufa ta’ Palmyra.
L-ISIS jeqirdu tempju ta’ Palmyra
