Ambjent Lokali

Malta se toffri boroż ta’ studju lil studenti minn pajjiżi bi dħul baxx

Iffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Universita’ ta’ Malta dwar boroż għal studju dwar it-Tibdil fil-Klima

Il-Gvern iffirma Memorandum of Understanding biex ikunu ffinanzjati sitt boroż ta’ studju għal studenti ġejjin minn pajjiżi bi dħul baxx. Dawn il-boroż ta’ studju għandhom iwasslu għall-Masters dwar ir-Riċerka fl-Azzjoni dwar il-Klima.

Dan tħabbar hekk kif ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Gvern u l-Universita’ ta’ Malta. Waqt iċ-ċeremonja li matula ġie ffirmat il-ftehim, kien hemm preżenti l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, ir-Rettur tal-Universita’ ta’ Malta Juanito Camilleri u l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Affarijiet dwar il-Klima l-Professur Simone Borg.

Il-ftehim ġie ffirmat wara li Malta kkommettiet ruħha li tipparteċipa fil-programm ‘International Climate Finance’, programm internazzjonali li hu mmirat li jġib titjib il-qasam tat-Tibdil fil-Klima permezz ta’ iffinanzjar ta’ azzjonijiet f’dan il-qasam.

Dan il-programm ta’ studju għal studenti barranin li jkunu ġejjin minn pajjiżi bi dħul baxx qed isir fuq inizjattiva tal-Universita’ ta’ Malta u se jkun kordinat mill-Uffiċju Internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea fl-Universita’ ta’ Malta.
Qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru Leo Brincat irringrazzja lill-Universita’ ta’ Malta għal din l-inizjattiva li se tkun finanzjata mill-Gvern.