Lokali Qorti

Meħlus mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet wara l-argument tal-bieraħ fil-Għargħur, jgħid li kien każ ta’ self-defence

Claudio Galea, żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Imsida, inħeles b’numru ta’ kundizzjonijiet wara li ċaħad l-akkużi miġjuba kontrieh fil-Qorti, fost oħrajn li fera serjament żagħżugħ ta’ 33 mill-Għargħur. Hu ċaħad ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.

Il-każ seħħ ilbieraħ waranofsinhar, waqt attività li tifforma parti mill-Festa tal-Għargħur meta, allegatament, ta daqqiet bi strument li jaqta’ u bil-ponta, lil Claudio Calleja, ta’ 33 sena. Hekk kif illum tressaq il-Qorti, quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, Galea qal li fil-ħin tal-inċident hu aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu.

L-akkużat, li jaħdem bħala Cleaner fl-Isptar Monte Carmeli, qal li kien aggredit minn grupp ta’ madwar 20 persuna. Sostna li ħin minnhom kien attakkat b’penknife minn xi ħadd, li kapaċi jidentifikah. Madankollu, hu rnexxielu jieħu l-arma f’idu u beda jxejjirha bl-addoċċ. Kien hawn li nlaqat il-vittma, fost oħrajn b’daqqiet fil-fwied.

Id-Difiża, immexxija mill-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, qalet li Galea kien qed jieħu drink f’bar mat-tfajla tiegħu. Id-Difiża kompliet li f’ħin minnhom, l-akkużat ra persuna tkisser flixkun vojt tal-vodka ma’ mejda. Meta Galea ġibed l-attenzjoni tal-persuna l-oħra li kien hemm it-tfal madwaru, raġel bil-leħja qallu biex ma jindaħalx, filwaqt li heddu li jxoqqu.

Meta l-akkużat ħareġ mill-bar, qal li sab grupp kbir ta’ persuni li daruh u qabdu jtuh. Filwaqt li sostniet li l-istorja kollha turi każ ta’ self-defence, l-akkużat kien lest jammetti l-akkużi biex l-istorja tintemm hemm.

Min-naħa tagħha, l-Ispettur Sandra Zammit f’isem il-Prosekuzzjoni, qalet li meta wieħed jikkunsidra l-kondotta nadifa tal-akkużati, il-Prosekuzzjoni kienet kuntenta b’sentenza sospiża.

Iżda l-Maġistrat Bugeja fakkar lill-Prosekuzzjoni u d-Difiża li l-Qorti mhuwiex xi suq, fejn wieħed jista’ jitlob li jħoss. Lanqas ma taċċetta li persuna tammetti l-akkużi, sempliċiment biex taqta’ l-każ fil-qosor. Għaldaqstant, id-Difiża bidlet it-tweġiba tal-akkużat għal “mhux ħati”, filwaqt li talbet biex Galea jinħeles b’numru ta’ kundizzjonijiet.

Fit-tweġiba tagħha, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li l-akkużat m’għandux jinħeles għax għad fadal numru ta’ persuni x’jixhdu, fosthom il-vittma nnifsu. Barra minhekk, esprimiet l-inkwiet minħabba li l-attivitajiet tal-Festa tal-Għargħur għadhom għaddejjin matul din il-ġimgħa. Spjegat li l-Pulizija għadha ma tkellmitx mal-vittma, li kien mitluf minn sensieh u jingħata l-kura fl-ITU tal-Isptar Mater Dei.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Aaron Bugeja ħeles lil Galea mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Hu kien ordnat ukoll li jkun id-dar bejn l-10pm u s-6am, kif ukoll li ma jersaqx lejn il-Għargħur.