Lokali

Żewġ żgħażagħ feruti b’daqqa ta’ karozza

Żewġ żgħażagħ sofrew ġrieħi wara li intlaqtu minn karozza fil-limiti tar-Rabat. Il-każ seħħ fit-2:50am fi Triq it-Tiġrija qrib kumpless tad-divertiment.

Jidher li ż-żgħażagħ kienu parti minn grupp kbir li f’dak il-ħin kienu mexjin fit-triq lejn il-karozzi tagħhom.

Fost dawk li intlaqtu kien hemm żagħżugħ ta’ 21 sena mir-Rabat, li spiċċa rikoverat l-Isptar Mater Dei. Il-kundizzjoni tiegħu hija waħda kritika. Tfajla ta’ 20 sena mill-Mellieħa wkoll ġarrbet ġrieħi ħfief.

Il-karozza involuta f’dan il-każ baqgħet sejra.

Aktar tard, il-Pulizija ħabbret illi s-sewwieq tal-karozza li laqat liż-żewġ żgħażagħ instab u qed jiġi interrogat.