Grupp ta’ seba’ għawwiema nhar il-5 ta’ Settembru li ġej mistennija jgħumu 30 kilometru bejn Marsalforn u Tas-Sliema bħala parti mis-Swim Aid 2015.
L-għan ta’ din l-isfida hi li l-flus li jinġabru jgħinu lis-Silver Lining Swimming Club, li jaħdem fost persuni b’diffikultajiet fiżiċi bl-għan li jegħlbu l-isfidi tagħhom u jiksbu fiduċja fil-kapaċitajiet tagħhom permezz tal-għawm.
Il-ħidma ta’ Silver Lining Swimming Club fost dawn it-tfal tibda sa mill-ewwel passi bit-tagħlim bażiku tal-għawm imma fuq kollox it-tisħiħ tal-kunfidenza tagħhom fil-kapaċitajiet tagħhom bl-għan li jiksbu determinazzjoni li kapaċi jiksbu suċċess.
L-inizjattiva Swim Aid kienet tnediet fl-2011 b’għawma ta’ 37 kilometru madwar Għawdex bil-fondi miġbura jmorru għall-fondazzjoni Malta Guide Dog for the Blind.
Sadattant il-pubbliku hu mistieden jingħaqad mal-membri ta’ Swim Aid f’attivita’ ta’ sport u divertiment li se ssir fil-pitch ta’ Tas-Sliema nhar is-Sibt 5 ta’ Settembru fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.
Wieħed jista’ jikkontribwixxi wkoll b’SMS fuq 50618990 għal donazzjoni €6.99, 50619289 għal donazzjoni ta’ €11.65 jew fuq is-sit www.swimaid2015.org.
//= $special ?>

