Internazzjonali

Esekuzzjonijiet mill-ISIS f’Sirte

Il-militanti tal-ISIS fil-belt Libjana ta’ Sirte wettqu eżekuzzjonijiet separati ta’ erba’ persuni, fosthom membru ta’ grupp rivali li l-katavru tiegħu tħalla fejn kien biex jarah il-pubbliku.

Filmat li ħarġu l-ISIS u li qed jidher fuq il-media soċjali juri rġiel armati qed jisparaw lejn raġel liebes jumpsuit oranġjo li kien marbut ma’ speċi ta’ salib, u l-katavru tal-vittma tħalla hemm bħala twissija għal ħaddieħor.

Il-vittma kien identifikat bħala allegat spjun għall-militanti taż-Żerniq Libjan li qed jappoġġjaw lill-Gvern Libjan fi Tripli li mhux rikonoxxut mill-komunità internazzjonali. Il-qawwiet ta’ dan il-Gvern mexxew numru ta’ attakki mill-ajru kontra l-ISIS fl-inħawi ta’ Sirte.

L-ISIS għadhom kemm iddikjaraw lil Sirte bħala Emirat Iżlamiku u r-residenti fl-inħawi qalu li ma setgħux jidentifikaw lill-persuni li nqatlu fl-inħawi fl-aħħar sigħat.

Min-naħa tiegħu, il-Ġeneral Libjan Khalifa Haftar, li hu l-kmandant tal-qawwiet armati leali lejn il-Gvern elett tal-Libja li għandu s-sede f’Tobruk, qal li l-bliet ta’ Sirte u Bengażi dalwaqt se jkunu ħielsa mill-gruppi tat-terroristi affiljati mal-ISIS.

Haftar qal li l-armata tiegħu tinsab f’qagħda ‘tajba’ u li l-qawwiet tiegħu jinsabu lesti biex jieħdu lura l-kontroll ta’ aktar bliet Libjani, speċjalment ladarba l-Lega Għarbija wiegħdet l-appoġġ u armamenti biex tgħin lil dawn il-qawwiet jikkumbattu lill-ISIS.