Lokali

Filmat: Messaġġ ċar favur ir-rispett tal-ġuf

F’messaġġ qawwi u ċar, fl-Omelija tas-Sibt li għadda f’Ħad-Dingli, waqt li ċċelebra l-Quddiesa ta’ lejliet il-Festa tal-Assunta, l-Arċisqof Mons Charles Scicluna appella għar-rispett tal-ġuf tal-mara għax il-ġuf mhuwiex għall-kiri.

Il-kummenti tal-Arċisqof jaslu biss ftit tal-jiem wara li n-Nisa Laburisti ħarġu favur l-iffriżar tal-embrijuni u d-donazzjoni tal-isperma.

Sadanittant, fl-istess Omelija, Mons Scicluna kellu wkoll kliem indirett iżda iebes għall-fatt li l-vilifikazzjoni tar-Reliġjon se titneħħa mil-Liġijiet Maltin. Hu tkellem ukoll dwar kif l-Abbozz ta’ Liġi jipproponi wkoll id-dekriminalizzazzjoni tal-pornografija.

Il-Kap tal-Knisja Maltija sostna li r-rispett m’għandux ikun biss lejn il-Madonna, l-istatwi u x-xbihat tagħha, iżda wkoll lejn il-persuni ħajjin li huma wkoll xbihat ta’ Alla.

“Aħna l-Insara konvinti li kull bniedem hu maħluq xbieha ta’ Alla. Mela min ikasbar ix-xbieha tal-bniedem bil-pornografija qed ikasbar lil Alla”, kompla l-Arċisqof. L-Arċisqof kien diġà għamilha ċara, waqt Omelija li mexxa fil-Mosta, li l-Parlament jista’ jagħmel li jixtieq, iżda l-istess se tagħmel il-Knisja meta jasal il-waqt.

Nisimgħu siltiet mill-Arċisqof Charles Scicluna waqt l-Omelija f’Ħad-Dingli.