Tfajla ta’ 16-il sena fil-Honduras qamet twerżaq fit-tebut tagħha l-għada li kienet indifnet għaliex familtha ħasbu li kienet mietet.
Kien ir-raġel tat-tfajla, Neysi Perez, li kienet tliet xhur tqila, li wara nofsinhar tal-għada tal-funeral mar fiċ-ċimiterju jitlob u sema’ lit-tfajla titkarrab għall-għajnuna. Kien hawn li talab għall-għajnuna biex it-tfajla nħarġet mill-qabar.
Armati bl-għodda, numru ta’ persuni rnexxielhom ikissru l-qabar u ħarġu t-tebut fejn sabu li t-tfajla kienet kissret ħġieġa fit-tebut tagħha. Kellha wkoll numru ta’ feriti f’rasha u demm f’idejha ikkawżati mill-attentati tagħha biex tinħeles.
Jirriżulta li t-tfajla kienet ilha tipprova tinħeles tant li ħaddiem taċ-ċimiterju qal li filgħodu sema’ xi għajjat imma qatt ma mmaġina l idan kien ġej minn tebut.
Malli nħelset, it-tfajla ttieħdet lejn l-isptar imma t-tobba ċċertifikawha mejta, minħabba nuqqas ta’ ossiġnu. Kien għalhekk li ttieħdet lura ċ-ċimiterju fl-istess qabar u ndifnet mill-ġdid bil-libsa tat-tieġ tagħha, għaliex kienet ilha biss ftit jiem miżżewġa.
Skont rapporti lokali, it-tfajla kienet qamet filgħaxija u ħassha ħażin malli semgħet xi sparar. Jidher li hi għall-ewwel qrabatha sejjħu għal eżorċista għax ħasbu li ġie posseduta minħabba li bdiet ħierġa ragħwa minn ħalqha.
Wara li waqfet tieħu n-nifs, qrabatha ħaduha l-isptar fejn it-tobba ċċertifikawha mejta. Madankollu jidher li fil-verita t-tfajla sofriet attakk ta’ paniku li wassal biex waqfitilha qalbha, jew inkella sofriet dak li jissejjaħ bħala ‘cataplexy attack’ fejn emozzjoni qawwija, bħall-biża’, twassal biex il-vittma jitlef il-funzjoni tal-muskoli imma jibqa’ konxju ta’ dak li jkun qed jiġri.
Omm il-vittma qed twaħħal fit-tobba, li ċċertifikawha mejta, u qalet li kulħadd qalilha li bintha mhux mejta għaliex ġisimha sal-funeral kien għadu ma bidilx il-kulur u lanqas niten.
//= $special ?>