Internazzjonali

Iċ-Ċina terġa’ tnaqqas ir-rata tal-interessi u l-ishma jitilfu mill-valur

Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, naqqset ir-rata tal-interessi b’0.25 ta’ punt perċentwali għal 4.6% wara l-aħħar jiem ta’ taqlib kbir fis-swieq. Din, fil-fatt, hi l-ħames darba li ċ-Ċina naqqset ir-rata tal-interessi minn Novembru ’l hawn.

Sadanittant, l-ishma fis-swieq taċ-Ċina komplew jitilfu mill-valur b’rata konsistenti waqt li l-ishma f’Londra u fl-Ewropa għamlu qabża ’l quddiem waqt l-aħħar attività fil-Borża.

Il-Bank tal-Poplu taċ-Ċina naqqas ukoll l-ammont li l-banek huma obbligati li jżommu bħala riserva b’0.5 ta’ punt perċentwali. Dawn il-passi mistennija jidħlu fis-seħħ mil-lum stess.

Intant, il-miżuri taċ-Ċina stimulaw l-indiċi tal-ishma fl-Ewropa u skont l-aħħar statistika, l-FTSE 100 ta’ Londra żdied bi kważi 3.3 fil-mija. Dan waqt li d-Dax tal-Ġermanja tela’ b’4.4 fil-mija, bil-Paris Cac fi Franza jirreġistra żieda ta’ aktar minn tlieta fil-mija.

Il-kisbiet seħħew waqt li l-ishma fiċ-Ċina komplew jirriflettu t-telf, l-istess bħal fil-Ġappun, fejn l-indiċi tan-Nikkei f’Tokjo naqsu b’erbgħa fil-mija.

Fi swieq oħra tal-Ewropa, dawk ta’ Liżbona, Madrid u Milan irreġistraw żieda ta’ tlieta fil-mija, filwaqt li s-suq f’Moska ħa spinta ta’ tnejn fil-mija.

Iż-żieda fl-attività qed tkun xprunata mill-inkwiet li t-tnaqqis fl-iżvilupp taċ-Ċina għandu jfisser anqas negozju u riperkussjonijiet għas-swieq fuq skala internazzjonali.

L-attività ekonomika tal-aħħar 30 sena fiċ-Ċina rriżultat f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż investa fi provvisti ta’ materja prima għall-manifattura u dejjem aktar prodotti manifatturati u ta’ lussu għal pajjiżi oħra.

Wara snin sħaħ ta’ żvilupp fuq skala sostanzjali jidher li ċ-Ċina naqqset sew mir-ritmu. Dan meta l-investituri jinkwetaw li s-sitwazzjoni se teffettwa lill-kumpaniji u l-pajjiżi li jiddependu mid-domanda kbira taċ-Ċina li hi t-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja.