Għażla wiesa’ ta’ nbejjed minn varjetajiet ta’ għeneb lokali, kunċerti kbar minn kantanti u bands rinomati, ikel varjat, wirjiet u kompetizzjonijiet, chill-our area – dawn huma l-attrazzjoni ewlenin tal-festival tal-inbid li se jerġa’ jsir f’Ħal Qormi għall-11-il sena konsekuttiva u li bħall-edizzjonijiet preċedenti mistenni jiġbed folol kbar lejn il-Belt Pinto.
Il-Qormi Wine Festival 2015 se jsir nhar il-Ġimgħa 4 u s-Sibt 5 ta’ Settembru mis-7.30pm sa nofsillejl, fejn għal din l-okkażżjoni iċ-ċentru tar-raħal se jkun qed ixxidd libsa festiva partikolari.
Dan il-festival issa sar attivita’ mistennija ferm fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, u għalhekk l-organizzaturi ħasbu biex jipprezentaw żewg serati mill-aqwa li jolqtu l-gosti tal-familja kollha. U din is-sena b’attrazzjonijiet akbar fejn se jinbidel ukoll is-setup li konna mdorrijin bih fl-aħħar snin.
Triq il-Kbira f’Ħal Qormi se tkun armata b’diversi stalls tal-inbid u ikel tradizzjonali ta’ kull xorta, f’atmosfera tipika ta’ festa lokali bil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ fl-isfond.
Kumment li jghaddu ħafna mit-turisti li jżuru Ħal Qormi ghall-festival tal-inbid hu dak ta’ apprezzament ghall-atmosfera mill-isbah li wieħed jista’ jgawdi filwaqt li jara mill-qrib aspett ieħor tat-tradizzjonijiet Maltin.
Dawk preżenti jistgħu jakwistaw tazza tal-inbid bil-logo tal-Qormi Wine Festival għall-prezz ta’ €12. Biha jkunu jistghu jduqu l-inbejjed kollha offruti, bojod, ħomor u anke rose’. It-tazza tista’ mbagħad tinżamm bħala tifkira.
L-ikel kollu – majjal, għaġin, braġjoli, fenek, tiġieġ bil-patata l-forn, il-famużi festival wraps, u l-platt Malti – jista’ jinxtara ghall-prezz ta’ €7. Se jkun hemm ukoll mejda bl-imqaret, filwaqt li għal din is-sena se nintroduċu mejda ġdida fiċ-chill-out area li se tkun dedikata kompletament għal ikel Ażjatiku.
Id-dhul ghal dan il-festival tal-inbid hu b’xejn. L-inbid jibqa’ jisserva sal-11.30pm.
(Ritratt: Chris Camille)
//= $special ?>