Ambjent Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li m’għandha tintmiss l-ebda żona barra mill-iżvilupp

Filwaqt li l-ammont ta’ art ODZ li se tkun sagrifikata għall-proġett taż-Żonqor tnaqqas, xorta waħda kienet tippreferi li l-proġett kien ikun magħmul kollu fuq bini restawrat fl-iskemi tal-iżvilupp. Din kienet ir-reazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ għall-proġett tal-kumpanija Ġordaniża tal-kostruzzjoni, li se tibni Università fiż-Żonqor u issa fil-Baċir Numru 1.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li ilha tisħaq għal diversi drabi dwar il-ħtieġa li proġetti ġodda għandhom ikunu mmirati biex jirriġeneraw bini u strutturi f’żoni urbani li mhumiex użati. Filwaqt li ż-żona tal-Baċir se tkun riġenerata, ħadd m’għandu jistenna li dan il-proġett se jsolvi l-problemi tal-inħawi.

Min-naħa l-oħra, il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li ma ntmessitx art intiża għall-użu ta’ proġetti industrijali. Din l-art hi skarsa ħafna u għall-Kamra tal-Kummerċ din m’għandha qatt tintuża’ għall-ebda skop ieħor.

Filwaqt li nnotat ukoll in-nuqqas ta’ dettalji dwar il-ftehim innifsu, il-Kamra tal-Kummerċ saħqet dwar l-importanza li jkun hemm limitazzjonijiet stretti dwar l-użu tal-proġett, kif ukoll li ma jkunx permess tibdil fl-użu.