Lokali

Jinqabad min wettaq hold-up fis-Swieqi

Identifikata l-persuna li allegatament wettqet hold-up permezz ta’ arma bil-ponta fuq stationery fis-Swieqi il-ġimgħa li għaddiet.

Minn informazzjoni miksuba minn maltarightnow.com jirriżulta li r-raġel ipprova jbiddel l-identita’ tiegħu billi ta ruħu b’idejh fl-għassa tal-Qawra taparsi immigrant mis-Senegal mingħajr dokumenti għax kien ramiehom ‘il baħar qabel daħal Malta illegalment fl-aħħar jiem.

Fi kliem ieħor, ir-raġel ipprova jinqeda bl-istess pulizija biex jakkwista identita’ ġdida. Iżda minn investigazzjonijiet li saru mill-pulizija tad-distrett tal-Qawra ġie stabbilit li fil-fatt il-persuna hi ta’ nazzjonalita Kubana u minn filmati ġie identifikat bħala l-persuna li wettqet il-hold-up fi Swieqi li fih insterqu iktar minn €2,500.

Ir-raġel, Eliseo Carrillo Montoro, tressaq il-Qorti iktar kmieni waranofsinhar li wettaq hold-up fuq Eros Stationery f’Paceville u li hedded lis-sid tal-ħanut, John Attard Kingswell b’sikkina. Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Montoro wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Is-sentenza se tingħata nhar il-Ġimgħa. L-Ispetturi Fabian Fleri u Carol Fabri mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace deher għall-akkużat