Internazzjonali

Persuna stramba qed tqanqal tħassib f’North Carolina

Ir-residenti fl-inħawi ta’ Gaston County, komunità fl-Istat Amerikan ta’ North Carolina, huma inkwetati ferm dwar persuna misterjuża li qed iddur mal-kumplessi tal-appartamenti u l-playgrounds u fejn qed titlaq warajha l-laħam nej.

Il-persuna, li f’xi każi dehret liebsa l-kappott u l-barnuża, qanqlet sens ta’ biża’ ġenerali meta ‘inqabdet fuq kamera’ hi u tistenna ( bil-kappott iswed) barra kumpless tal-appartamenti fl-inħawi ta’ Hudson Boulevard.

Mhux ċar x’kienet qed tagħmel din il-persuna u ħadd ma jaf għalfejn hi għażlet dan l-istil tal-ilbies. Uħud, intant, jaħsbu li l-persuna misterjuża tista’ qed timita xi karattru ta’ film tal-orrur jew ta’ Star Wars. Lanqas m’hu magħruf jekk il-persuna, intant, hix mara jew raġel.

Xi abbonaturi tal-media soċjali ssuġġerew li l-persuna misterjuża setgħet qed tħalli warajha l-laħam fil-playgrounds ‘bl-iskop li tmarrad u toqtol il-klieb’. Madankollu, hemm ukoll min qed jipprova jdawwar l-affarijiet bħala ċajta fost kummenti li ‘mhux kuljum li wieħed jara lil Darth Vader (karattru ta’ Star Wars) qed jistenna biex jaqsam it-triq f’nofs ta’ belt’.