Il-proġett tal-eks Pixxina Nazzjonali fiż-Żonqor mhuwiex adattat għax hu f’kunflitt dirett u jeqred l-attivitajiet sportivi u ta’ divertiment fil-kumpless, kif ukoll hu f’kunflitt dirett mal-kummerċ fl-inħawi. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, wieħed jaħseb li dan hu xi studju li sar minn għaqda ambjentali biex tiġġieled il-proġett tal-Università tal-Ġordaniżi fiż-Żonqor.
Iżda fir-realtà, dan hu studju li sar fl-2011 dwar proġett tal-akwakultura, li kien propost għall-eks Pixxina Nazzjonali. Ironikament, dan l-istudju kien tqassam mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-ġimgħa li għaddiet biex jiġġustifika żvilupp tal-eks Pixxina Nazzjonali.
Kien il-ġurnal The Malta Independent li żvela dan fil-ħarġa tal-lum. Il-ġurnal ħa r-reazzjoni tad-Deputat Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo, li akkuża lil Muscat li għal darba darbtejn, ipprova jiżvijja lill-pubbliku u qed jipprova juża’ kull toqba possibbli fil-Liġi biex imexxi l-proġett ‘il quddiem. Fost oħrajn, Cacopardo semma’ kif Muscat allega li kien hemm pjani fil-passat biex ikun hemm bini għoli fiż-Żonqor, meta fir-realtà dawn il-pjani ma jeżistu mkien.
Carmel Cacopardo rrefera wkoll għal dak li qal Muscat fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ħamis li għadda, meta tenna li seta’ bena parti mill-Kampus fuq il-kosta, iżda sema’ mill-Bioloġisti u ma ħax din ir-rotta. Muscat ipprova jagħti l-impressjoni li l-proġett daħal fuq art ODZ bħala għażla ta’ “a lesser of two evils”.
Iżda Cacopardo wieġeb li din l-għażla qatt ma setgħet tiġi kkunsidrata għax il-Ponta taż-Żonqor hi protetta mill-Pjan Lokali ta’ Marsaskala bħala green area minħabba li hi żona ta’ importanza ekoloġika u xjentifika.
Il-Prim Ministru, sostna Carmel Cacopardo, dara jfajjar ideat fil-pubbliku umbagħad jipprova jillimita d-danni quddiem l-oppożizzjoni qawwija tal-pubbliku. Il-proċess ta’ konsultazzjoni kellu jsir qabel u mhux wara li ntgħażel is-sit.
//= $special ?>

