Il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq qablu li jnaqqsu mit-tensjoni li ħakmet lill-peniżola fl-aħħar jiem, u l-Gvern ta’ Seoul, fost fatturi oħrajn, qabel li jwaqqaf ix-xandiriet ta’ propaganda indirizzati għall-poplu tal-Korea ta’ Fuq, bħala parti mill-ftehim.
Ix-xandiriet tal-Korea t’Isfel kienu bdew wara li żewġ suldati tagħha sfaw feruti fi splużjoni ta’ mina aktar kmieni matul dan ix-xahar. Intant, ix-xandiriet qanqlu l-għadab tal-Korea ta’ Fuq u nhar il-Ħamis kien hemm sparaturi bejn il-qawwiet Koreani rivali fiz-zona tal-fruntiera li hi fost l-aktar fortifikati tad-dinja.
Intant, il-ftehim bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel intlaħaq wara li r-reġim ta’ Pyongyang, li ċaħad li kellu x’jaqsam mal-mina li feriet lis-suldati tal-Korea t’Isfel, qabel li jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-inċident. Min-naħa tagħha, il-President tal-Korea t’Isfel, Park Geun-hye, qalet li l-ftehim jista’ jservi bħala okkażjoni biex il-kwistjonijiet kollha inter-Koreani jkunu solvuti fuq bażi ta’ fiduċja.
Il-ftehim kruċjali ntlaħaq wara taħditiet maratona fil-villaġġ ta’ Panmunjom li jinsab fiz-zona demilitarizzata tal-Korea.
Il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq – li ilhom teknikament fi stat ta’ gwerra mis-snin ħamsin – ħarġu stqarrija konġunta u qalu li x-xandiriet min-naħa ta’ Seoul se jieqfu.
Dan waqt li l-Korea Komunista qablet biex ittemm sitwazzjoni simili għal stat ta’ gwerra, fejn irtirat ammonti ta’ truppi li qabel kienu stazzjonati fuq il-front.
Il-Korea ta’ Fuq u t’Isfel, fl-istess ħin, qablu li jaħdmu lejn programmi ġodda fejn jingħaqdu mill-ġdid il-familji Koreani li ilhom isseparati mill-gwerra Koreana tal-1950-53 u li qed jgħixu fuq naħat opposti tal-fruntiera.
//= $special ?>