Il-falliment ta’ Joseph Muscat fis-settur tas-saħħa, b’mod speċjali fit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei, hu kkonfermat minn rapport intern li għadu kemm sar u li ngħadda lill-membri tal-amministrazzjoni tal-istess sptar. Ir-rapport juri biċ-ċar ċifri li jikkonfermaw il-falliment ta’ Joseph Muscat f’dan il-qasam.
Żvelat dettalji minn dan ir-rapport ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, f’Konferenza tal-Aħbarijiet barra l-Isptar Mater Dei, akkumpanjata mill-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Mario Rizzo Naudi.
Ir-rapport hu intitolat ‘Hospital Activity Report – January to June 2015 (Published in August 2015).
Claudette Buttigieg żvelat kif ir-rapport jikkonferma li ż-żieda fil-pazjenti fl-Isptar mhux veru kienet minħabba l-operazzjonijiet b’appuntament, kif kienet qed tingħata l-impressjoni. Dan peress li bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, kienu biss 16% tal-pazjenti li daħlu l-isptar biex jagħmlu dawn it-tip ta’ operazzjonijiet.
Ix-Shadow Minister qalet li r-rapport juri biċ-ċar kif Jospeh Muscat, Konrad Mizzi u Chris Fearne fallew fit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei, u li r-roadmap li tant tkellmu dwarha qabel l-elezzjoni mhux veru teżisti.
Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet ġew żvelati cifri oħra li fost l-oħrajn juru li kull ġimgħa kienu qed jidħlu l-isptar medja ta’ 50 pazjent aktar milli joħorġu, u li kien hemm żieda ta 7% żieda fil-pazjenti li daħlu l-Emerġenza – konferma li l-Gvern tilef anke l-kontroll tad-Dipartiment tal-Emerġenza. Claudette Buttigieg staqsiet x’qed jagħmel il-Gvern biex jara li l-Emerġenza jmorru biss dawk li verament ikollhom bżonn intervent urġenti.
Ir-rapport jiżvela wkoll li 72% tal-pazjenti fl-Emerġenza marru mingħajr referral u li bejn Jannar u Ġunju, aktar minn 23,000 persuna li marru l-isptar setgħu marru fiċ-ċentri tas-saħħa.
Min-naħa tiegħu, il-kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Mario Rizzo Naudi tkellem dwar il-biża’ li hemm fost impjegati fl-isptar Ġenerali t’Għawdex, li ma jafux jekk il-post tax-xogħol taghhom hux se jibqa’ garantit meta l-isptar t’Għawdex imur f’idejn l-operatur privat.
//= $special ?>

